Lokali

Ir-riforma tal-Kummissarju: Ian Abdilla jitpoġġa Direttur responsabbli mill-ICT

Konfermata l-aħbar ta' dan il-portal li issa tneħħa r-rwol ta' CEO

Net News jista’ jikkonferma li l-Kummissarju l-ġdid tal-Korp tal-Pulizija, Angelo Gafà, preżenta l-istruttura l-ġdida li biha se jaħdem il-Korp fejn fost l-oħrajn żamm miegħu lill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Dan issa tpoġġa bħala Direttur fil-Korp responsabbli mill-Informatika u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni.

Din il-ġimgħa meta xehed fil-Qorti, l-AC Abdilla ma kienx kapaci jwiegeb għaliex ma nvestigax il-Panama Papers….għaliex ma nvestigax lil Keith Schembri…u għaliex ma nvestigax lil Konrad Mizzi. Iżda għal dawn id-domandi tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika li qed tinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia, Abdilla ma kienx kapaċi jwieġeb.

Apparti Ian Abdilla, Gafà se jkollu 4 Diretturi oħra li kollha jwieġbu għal Chief Corporate Services Officer – pożizzjoni ġdida li għadha trid timtela, u li se tieħu post il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.

Dan is-sit ra kopja tal-istruttura l-ġdida tal-Korp, li issa se tkun qed tinkludi żewġ Deputati Kummissarji u mhux erbgħa. Dawn huma Antoine Casha responsabbli mill-investigazzjonijiet u Carmelo Magri li se jżomm il-ħidma operattiva li tinkludi fost l-oħrajn id-Distretti, l-RIU u t-Taqsima tat-Traffiku.

Ix-xogħol tal-mutur, li fl-aħħar ġimgħat kienu taħt il-lenti minħabba skandlu kbir li faqqa’, se jibqa’ f’idejn l-AC Nazzareno Grixti.

Kif kien tħabbar diġa’, l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo se tmexxi t-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi, responsabbli fost l-oħrajn mill-ħasil tal-flus.

Taħt l-AC Dennis Theuma se jinħolqu sezzjonijiet partikolari responsabbli mill-vjolenza domestika, vjolenza abbażi tal-ġeneru u reati ta’ mibgħeda.

Il-Kummissarju Angelo Gafà