Bosta inħasdu bil-mewta ħabta u sabta ta’ Maged Saad Malak Eshak, iż-żagħżugħ Eġizzjan ta’ 23 sena li tilef ħajtu f’nirien li ħakmu l-istabbiliment fejn kien jaħdem fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu.
Sħabu stqarrew li l-vittma kien mistenni jiżżewweġ f’temp ta’ ġimgħatejn oħra hekk kif kien fetaħ qalbu magħhom kif ukoll mal-klijenti tiegħu li kien qed jistenna b’ħerqa kbira li jiftaħ l-ajruport sabiex imur l-Eġittu u jirritorna Malta flimkien mal-mara tiegħu bħala koppja miżżewġa.
Bosta persuni li kienu jafu liż-żagħżugħ iddeskrivewh bħala ġuvnott tal-affari tiegħu, kwiet u ċajtier, dejjem lest sabiex iferraħ lill-klijenti tiegħu bi tbissima fuq fommu.
Il-każ seħħ fil-ħanut tal-merċa tal-vittma fi Triq Ħal Qormi bejn il-Marsa u l-Ħamrun, bil-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jissejħu fuq il-post hekk kif in-nirien damu jaħkmu l-binja għal madwar siegħa.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Eġizzjan kien qed jorqod proprju f’sezzjoni fuq l-istess ħanut.
Intant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex jiġi stabbilit x’wassal biex tkebbes in-nar.
