Lokali

Laqgħa bejn is-Sinjura Miriam Vella, Patruna ta’ Hospice Malta maċ-Chairperson u CEO ġodda ta’ Hospice Malta

Il-mara tal-President, is-Sinjura Miriam Vella, Patruna ta’ Hospice Malta, laqgħet iċ-Chairperson tal-Hospice li ġiet maħtura reċentement, is-Sinjura Bernadette Bonnici Kind, u s-CEO tal-Hospice, is-Sur Kenneth Delia, fir-residenza uffiċjali tal-President f’San Anton. Huma kienu akkumpanjati minn numru ta’ membri tal-kunsill ta’ Hospice Malta.

Il-laqgħa saret biex jiġu introdotti formalment il-membri tal-kunsill ta’ l-amministraturi li llum għandhom rwol ġdid, kif ukoll biex jiġi diskuss l-AGM li jmiss ta’ Hospice Malta fl-20 ta’ Lulju.

Waqt il-laqgħa informali, is-Sinjura Vella ġiet aġġornata dwar il-proġett ta’ St Michael Hospice, kumpless ġdid għall-kura paljattiva għall-pazjenti ta’ Hospice Malta. Bħalissa għaddejjin xogħolijiet kbar fuq il-propjeta’ ta’ l-eks Istitut Cini, u li ġie mogħti lil Hospice Malta mill-Arċidjoċesi ta’ Malta s-sena l-oħra.

Barra minn hekk, fil-laqgħa ġew diskussi wkoll id-diffikultajiet għall-pazjenti ta’ Hospice Malta f’dawn l-aħħar xhur minħabba d-distanza soċjali u l-miżuri preventivi waqt il-pandemija tal-COVID-19.

Is-Sinjura Vella kkummentat li l-pazjenti u l-familji tagħhom għandhom bżonn l-għajnuna u t-talb tagħna, u li sfortunatament in-numru ta’ nies li jeħtieġu l-għajnuna ta’ Hospice qed jikber. Is-Sinjura Bonnici Kind ikkummentat li hija neċessità assoluta li ngħinu lill-mordau qalet li “Hospice Malta hija grata ta’ l-appoġġ finanzjarju li rċieviet minn diversi banek u korporazzjonijiet lokali li għarrfu l-ħtieġa ta’ kura paljattiva”. Hi temmen fil-motto li kull qattra tgħin u jħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti kontribuzzjoni, żgħira kemm hi żgħira, lill-Hospice Malta, permezz tal-websajt tagħha jew mezzi oħra diversi.

Il-membri tal-Kunsill ta’ Hospice Malta rringrazzjaw lis-Sinjura Vella għall-ġenerożità tagħha sabiex jintuża l-Palazz San Anton għall-AGM ta’ Hospice Malta, kif ukoll għall-ħidma u l-appoġġ tagħha. Il-kunsill esprima wkoll il-gratitudni tagħhom għall-appoġġ mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, kif ukoll mill-Ministeru għas-Saħħa li magħhom bħalissa jinsabu f’diskussjonijiet.