Futbol Sport

Liverpool umiljati minn Manchester City fl-ewwel ħarġa tagħhom bħala champions

(Ritratt: EPA)

Għalkemm assiguraw ir-rebħ tal-kampjonat wara 30 sena b’seba’ logħbiet mit-tmiem, Liverpool ma kinux qed jimmaġinaw li l-ewwel ħarġa tagħhom bħala champions kellha tkun telfa ta’ 4-0 kontra l-eqreb rivali tagħhom. Id-distakk bejn iż-żewġ timijiet niżel għal 20 punt. Liverpool ftit kienu preċiżi daqs is-soltu u speċjalment fid-difiża ma kinux solidi, bil-plejers offensivi ta’ Manchester City ikollhom xalata ta’ spazju. It-tim ta’ Guardiola fetaħ l-iskor wara 25 minuta minn penalty ta’ Kevin de Bruyne wara fawl ta’ Joe Gomez fuq Raheem Sterling fil-kaxxa.

L-iskor sar 2-0 fil-35 minuta b’passaġġ ta’ Phil Foden lejn Raheem Sterling li evita lil Gomez u għeleb lil Alisson b’xutt fil-baxx. Foden skorja t-tielet gowl ta’ City qabel tmiem l-ewwel taqsima meta ħabbat il-ballun ma’ de Bruyne u skorja minn qagħda ideali. Fis-66 minuta ġie skorjat ir-raba’ gowl b’passaġġ mill-isbaħ ta’ de Bruyne lejn Raheem Sterling li evita lil Andy Robertson u għeleb lil Alisson iżda kien Alex Oxlade-Chamberlain li xeħet fix-xibka tiegħu stess.