Futbol Sport

Milan isalvaw draw lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

FERRARA –  Wara l-bidu impressjonanti ta’ Milan minn wara l-waqfa tal-pandemija, Milan tħabtu biex kisbu draw kontra SPAL. Kienu SPAL li marru fil-vantaġġ meta x-xutt ta’ VALOTI kien devjat għal wara Donnarumma. Man-nofsiegħa logħob, SPAL irduppjaw meta FLOCCARI b’mod intelliġenti qabbeż minn fuq Donnarumma. Milan ħasbu li naqqsu d-distakk fis-37 minuta iżda l-gowl ta’ Calhanoglu ġie mħassar għall-offside. SPAL spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta tkeċċa D’Alessandro. Fid-79 minuta Milan daħlu fil-partita meta wara żball fid-difiża ta’ SPAL kien LEAO li rreaġixxa l-ewwel u għamel l-iskor 2-1. Milan ġabu d-draw fl-94 minuta meta VICARI tefa’ wara l-gowlkiper tiegħu stess.

VERONA– Parma barra minn darhom tilfu kontra Verona 3-2 biex ħadu daqqa ta’ ħarta t-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa. Parma marru fil-vantaġġ wara kwarta logħob permezz ta’ KULUSEVSKI li wara azzjoni personali kkonkluda wara Silvestri. Verona ġabu d-draw permezz ta’ penalty ta’ DI CARMINE fil-ħin addizzjonali tat-tmiem l-ewwel taqsima. Fl-54 minuta huma rnexxielhom idawwru l-partita favurihom permezz ta’ xutt minbarra l-kaxxa ta’ ZACCAGNI. Parma ġabu d-draw għaxar minuti wara permezz ta’ GAGLIOLO biex Verona reġgħu marru fil-vantaġġ fit-82 minuta permezz ta’ PESSINA.

FIRENZE– Fiorentina komplew fuq l-istaġun negattiv li kellhom s’issa meta f’darho tilfu 3-1 kontra Sassuolo. Sassuolo fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ penalty ta’ DEFREL meta Castrovilli deher iwaqqa lil Djuricic fil-kaxxa. DEFREL irdoppja ħdax –il minuta wara meta rċieva pass tajjeb mingħand Djuricic li minn qagħda komda ma’ żbaljax. Sassuolo żiedu ieħor fil-61 minuta meta MULDUR approfitta minn żball ta’ Castrovilli. CUTRONE skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għall-Viola fid-90 minuta.

LECCE- F’partita min naħa t’isfel tal-klassifika, Sampdoria kisbu tliet punti importanti fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni meta għelbu lil Lecce 2-1. Fit-38 minuta Sampdoria ngħataw penalty wara fawl ta’ Tachtsidis fuq Jankto. Minn ħdax –il metru GASTON RAMIREZ ma żbaljax. Lecce ġabu d-draw fil-50 minuta meta huma wkoll ingħataw penalty fuq fawl ta’ Thorsby fuq Saponara, b’ MANCOSU jgħeleb lil Aduero. Sampdoria ngħataw penalty ieħor fit-73 minuta u reġa’ kien RAMIREZ li minn ħdax –il metru għeleb lil Gabriel.

Serie A

Illum: Bologna v Cagliari 1-1, Inter v Brescia 6-0, Fiorentina v Sassuolo 1-3, Verona v Parma 3-2, Lecce v Sampdoria 1-2, SPAL v Milan 2-2, Għada: Atalanta v Napoli 7.30pm, Roma v udinese 9.45pm.