Lokali

Mingħajr dewmien jrid jiġi assigurat li l-ġurisdizzjoni Maltija terġa’ tikseb ir-rispett mistħoqq – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota d-deċizjoni tal-Bank Centrali Ewropew li jirtira l-liċenzja tal-bank Satabank wara l-konklużjoni ta’ investigazzjonijiet li damu għaddejjin kważi sentejn fejn, kif suspettat, instab li miljuni kbar fi tranżazzjonijiet suspettużi bidlu l-idejn f’attivitajiet kriminali.

Hekk sostnew fi stqarijja l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi, Mario de Marco u dik għas-Servizzi Finanzjarji, Kristy Debono, fejn spjegaw li għal darb’oħra, l-Partit Nazzjonalista jħoss li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, isem Malta qed jiġi mżeblaħ għall-interess ta’ ftit kriminali organizzati li fl-aħħar snin ħassewhom komdi jagħmlu negozju bħal dan minn pajjiżna.

Huma saħqu li kien ikun ħafna aħjar li kieku attivitajiet suspettużi bħal dawn jinżammu kemm jista’ jkun ‘il bogħod minn xtutna minflok jitħallew iwaqqfu l-operazzjoni tagħhom f’Malta b’riskju għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan huwa ta’ riskju wkoll għad-depożitaturi ġenwini Maltin li minkejja li ma nvolvew ruħhom f’ebda attivitajiet illeċiti, tilfu aċċess għal flushom waqt li l-investigazzjonijiet kienu qed jieħdu l-kors tagħhom.

Għaldaqstant, il Partit Nazzjonalista jenfasizza l-importanza li, mingħajr iktar dewmien, il-Gvern jassigura li l-ġurisdizzjoni Maltija terġa’ tikseb ir-rispett mistħoqq mill-komunita’ internazzjonali sabiex pajjiżna jkun jista’ jkompli jiżviluppa s-settur tas-servizzi finanzjarji, pilastru importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan jista’ jsir biss jekk l-awtoritajiet konċernati jerġa’ jkollhom l-abbilta’ li jattiraw u jawtorizzaw istituzzjonijiet kredibbli, serji, u ta’ l-affari tagħhom, li jikkontribwixxu lejn tkabbir ekonomiku li jagħmel gieh lilhom, lil pajjiżna u lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kif kien isir fi snin mgħoddija.

L-istqarrija temmet tgħid li hekk tkun tabilħaqq qed titneħħa darba għal dejjem din is-sħaba sewda li ħakmet isem pajjiżna fl-aħħar snin, li qed toħloq inċertezza kbira fost operaturi finanzjarji serji li diġa’ qegħdin f’Malta, kif ukoll qed tgerrex kull prospett ta’ investiment barrani ġdid lejn pajjiżna.