Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic u martu negattivi għall-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic u martu Jelena huma negattivi għall-coronavirus, disat ijiem wara li nstabu pożittivi. In-numru wieħed tad-dinja flimkien ma’ Grigor Dimitrov, Borna Coric u Viktor Troicki kollha kienu pożittivi wara li lagħbu fl-Adria Tour.

Fi stqarrija mit-tim li jmexxi lil Djokovic, intqal li l-koppja għamlet l-aħħar għaxart ijiem f’iżolazzjoni wara li rritornaw minn Zadar u mxew mal-protokolli mediċi tal-Covid-19. L-ewwel avveniment sar fil-kapitali Serba, bit-tieni tournament f’Zadar sar bejn l-20 u l-21 ta’ Ġunju.

It-tennisti ma kisrux xi protokoll tal-gvern hekk kif kemm is-Serbja kif ukoll il-Kroazja, l-atleti mhumiex mitluba li jżommu d-distanza soċjali. Iżda Djokovic li kien ikkritikat talli organizza l-avveniment, talab apoloġija u qal li jiddispjaċih tal-ħsara li kkawża.