L-eks Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qed jiddejjaq jgħid jekk l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar jew persuni oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kellhomx l-ispag miġbud fl-aħħar snin.

Dan meta Net News staqsa lil Owen Bonnici jekk jaħsibx li Ian Abdilla għamilx xogħlu kif suppost.
Inqas minn 24 siegħa wara li l-imħallfin fl-inkjesta pubblika baqgħu mistagħġba aktar minn darba għal dak li kienu qed jisimgħu, u ddeskrivew lil Ian Abdilla bhala uffiċjal tal-Pulizija li qed jgħix f’univers parallel, il-Ministru Owen Bonnici għadu jdoqq id-diska mkissra li issa ilna s-snin nisimgħu.

Staqsejna lil Bonnici jekk jemminx li Abdilla għamel xogħlu kif kien mistenni, b’Bonnici jwieġeb: “għandi fiduċja fl-istituzzjonijiet”.
Owen Bonnici, deher skomdu għall-aħħar jipprova jwieġeb għal mistoqsijiet dwar dak li ħareġ fil-Qorti din il-gimgha; fosthom l-ammissjoni, xejn sorpriża, imma xokkanti xorta, ta’ l-eks Kap tat-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi, Ian Abdila, li bin-nuqqas ta tweġiba tiegħu ammetta li hu ma mexxiex fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi wara li ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Net News insista ma’ Owen Bonnici, biex jgħidilna jekk verament jaħsibx li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ħadmux kif suppost. Madankollu, l-eks Ministru tal-Ġustizzja baqa’ jaħrab milli jagħti tweġiba u baqa’ jinsisti li l-Qrati huma indipendenti.
Madankollu meta staqsejnih jekk il-Pulizija u l-Kummissarju kienux inipendenti jew jekk kellhomx xi spaga miġbuda minn persuni oħra, fosthom esponenti tal-Gvern jew persuni qrib tal-Gvern, hu baqa’ ma weġibx.
//= $special ?>