Futbol Sport

Sheffield United jirritornaw għar-rebħ u jpoġġu lil Tottenham fl-inkwiet

(Ritratt: EPA)

Sheffield United irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Tottenham Hotspur 3-1 fi Bramall Lane, tliet punti li jiswew ħafna lit-tim ta’ Chris Wilder fit-tentattiv li jikseb post fl-Ewropa. Fuq in-naħa l-oħra, din it-telfa tagħmel diffiċli ħafna għal Tottenham biex jiksbu post fil-UEFA Champions League staġun ieħor.

Sheffield United marru fil-vantaġġ fil-31 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Sander Berge wara kross mil-lemin ta’ Chris Basham. Ftit sekondi wara, Tottenham kienu ħasbu li ġabu d-draw permezz ta’ Harry Kane iżda r-referee Chris Kavanagh għażel li jħassar il-gowl minħabba li fl-azzjoni, il-ballun ħabat ma’ Lucas Moura meta kien fl-art.

It-tim ta’ Wilder irdoppja b’Lys Mousset jitħalla waħdu biex kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross mix-xellug ta’ Enda Stevens. Oliver McBurnie ssiġilla r-rebħa fl-84 minuta f’azzjoni simili għaż-żewġ gowls ta’ qabel. Harry Kane naqqas id-distakk fid-90 minuta wara li rċieva kross ta’ Heung-Min Son.