“Iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu spettaturi, iżda l-protagonisti għal pajjiżna” – PN
Issa uffiċjali, inbeda l-proċess sabiex il-fergħa żagħżugħa tal-PN, Team Start, li tiffoka partikolarment fuq l-adolexxenti, tissieħeb mal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ.
Waqt laqgħa organizzata tul il-jum tal-Erbgħa, mitluba mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport u Żgħażagħ, Robert Cutajar, huwa talab sabiex wara li issa ilhom madwar sena u nofs ifformati – jinbeda l-proċess bil-għan li jiġu kkunsidtrati għal affiljazzjoni mal-KNŻ.

Waqt it-tieni laqgħa li kellu mal-KNŻ, l-ewwel waħda wara l-kriżi tal-pandemija, Robert Cutajar irringrazzja lill-Kunsill tal-ħidma sfieqa li jagħmlu kontinwament. Huwa spjega wkoll li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista inbeda proċess ta’ konsultazzjoni bejn l-MŻPN u Team Start bil-għan li grazzi għall-ħidma konġunta tagħhom il-Partit joffri proposti validi dwar il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ.
Robert Cutajar sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen bi sħiħ li ż-żgħażagħ posthom fuq quddiem u l-vuċi tagħhom għandha tinstema’ mhux biss bħala spettaturi iżda bħala protagonisti ewlenin għaliex huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.
Waqt il-laqgħa għamlu l-intervent tagħhom ukoll fost oħrajn il-President ta’ Team Start, Thomas De Martino, kif ukoll il-President tal-KNŻ, Chiara Vassallo.


