Lokali Qorti

“Tant kienet inkwetata li kienet sejra għand psikologa” – bint Miriam Pace

Minn Awwissu Pace bdiet tinkwieta ħafna fuq ix-xogħol ta’ ma’ ġenbhom

F’Awwissu tal-2019 kien magħruf li l-proġett bejn il-Ħamrun u Santa Venera kien se jibda u minn hemm il-quddiem Miriam Pace bdiet tinkwieta ħafna, mhux għax qabel ma kinitx qed tinkweta. Saħansitra għamlet appuntament għand psikologa li kien skedat għall-aħħar ta’ Marzu, imma ma laħqitx marret għax bħal lum erba’ xhur spiċċat tilfet ħajjtha taħt it-terrapien.

Din kienet ix-xhieda ta’ bint il-vittma Ivana Portelli fil-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud  fil-konfront ta’ żewġ Periti, kuntrattur u ħaddiem akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu li għadda meta ntradmet taħt it-terrapien wara li ġġarrfet id-dar tagħha.

Il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace,.

Portelli qalet li ommha ta’ spiss kienet tgħidilha li tinsab vera nkwetata li jista’ jiġri kif seħħ lil persuni oħra li waqgħetilhom id-dar tagħhom. Kienet ta’ spiss tibgħatilha messaġġi permezz ta’ WhatsApp jew Messenger tax-xogħol li qed isir, u l-ħsejjes li kienet tisma’ u kien hemm żmien ukoll fejn riedet titlaq minn fejn kienet toqgħod.

It-tifla ta’ Miriam Pace, qalet li hija marret tgħix Ħal-Kirkop f’April għax iżżewwġet u li qabel kienet tgħix mal-ġenituri tagħha. Tkellmet dwar l-esperjenza li għexet hi fil-bidu tal-2019 fejn il-ġenituri tagħha bdew jaħsbu wkoll biex jixtru propjetà oħra u dan peress li kienet se titlaq hi u l-iżvilupp li kien se jsir.

Fil-bidu tas-sena l-oħra qal li ommha kienet kkuntattjat sensara biex tistaqsiha fuq id-dar u din ikkonfermat magħha li kien hemm pjan li għandu jsir proġett.  Minn hawn kien diġa’ beda l-inkwiet għal ommha, qalet ix-xhud.

Sar meeting  dwar dan u preżenti kien hemm ommha u missierha, hi, li kienet fil-kumpanija tar-raġel, il-Perit Camilleri u l-Iżviluppatur tal-post. Wara iżda ma nstema’ xejn aktar. Qalet li l-garaxx li kellhom taħt id-dar ma kienx tagħhom, u huwa ta’ Charlie Pace.

Kompliet tgħid li fl-14 ta’ Awwissu sar magħruf  li se jibda l-proġett u hemm bdiet tiżdied l-ansjetà ta’ ommha, u li kienet qed tiddejjaq li se jibda x-xogħol fix-xhur ta’ wara. Bdiet tibża’ ħafna li se jiġri xi aċċident bħal ma seħħ fl-istess sena fil-kostruzzjoni.

Fis-6 ta’ Frar qalet li ommha  kienet bagħtet messaġġ lilha, fis-sens li l-ġnien biswit id-dar tagħha kienet qed isir xi xogħol. Kienu se jqattgħu s-siġar, u dejjem moħħa jberren li kien se jiġri xi ħaġa.

Fid-18 ta’ Frar, fl-10am kienet qed tibża wkoll. Kienet bagħtitilha messaġġ, u siegħa wara bagħtet ukoll ritratt ta’ ħajt tal-konkos b’gaffa fejn kien hemm ħafna ħsejjes.

Kienet bagħtet ukoll video lil ġara tagħha Rosette Zerafa u li wara kienet marret titkellem fejn il-kamra ta’ l-istess Zerafa, li kienet ġratilha l-ħsara. Kienu marru fis-sit flimkien. Min kien se jiżviluppa l-post kien qalilha li ma kien se jiġri xejn u li ma kellhiex għalfejn tinkwieta.

Fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena kien ġara inċident żgħir f’sit f’ċint diviżorju li jmiss mal-garaxx ta’ warajhom. Bil-mara u l-ġirien niżlu wkoll jieħdu xi filmati. Wara dan il-każ, ommha u anke l-ġirien talbu li issir laqgħa. Għal-laqgħa kien hemm preżenti il-Perit Roderick Camilleri u l-kuntrattur Ludwig Dimech.

Il-ġenituri tagħha bdew jinsistu flimkien ma’ residenti oħra li għandha tiġi segwita l-liġi ta’ żewġ piedi, hekk kif dan l-iżvilupp kien ħa jsir biswit darhom imma l-Perit u l-kuntrattur bdew jippruvaw ibiddlulhom fehemthom u qalulhom li dik liġi antika u m’għadhiex teżisti.

Wara din il-laqgħa, propju fis-27 ta’ Frar, qalet li kienu nstemgħu wkoll ħafna ħsejjes bħal damdim. Bdew jissemmew ukoll l-ispejjeż u li jekk wieħed jaħdem bil-musmar ikun hemm ħafna storbju.

L-erba’ rġiel jinsabu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu 2020, għall-ħabta tas-2.20pm. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace ta’ 54 sena.

Huma jinsabu akkużati wkoll li fl-istess jum u l-ġimgħat ta’ qabel ikkaġunaw ħsara fil-propjetà tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut u l-kumpanija Edu Centre Limited, li lkoll għandhom residenzi fl-inħawi.

Il-Periti u l-Kuntrattur qegħdin jiġu akkużati wkoll li għamlu dikjarazzjoni falza f’dokument maħsub għal awtorità pubblika, u li anke naqsu milli josservaw dikjarazzjoni tal-metodi relatati max-xogħol li kien għaddej.

Il-Perit Mangion qed jiġi mixli wkoll li naqas li jkun preżenti fis-sit meta kienu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju dwar ħsara lil terzi persuni. Huma kollha jinsabu bil-libertà proviżorja.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea bl-avukat Joseph Giglio qed jidher għall-familha tal-vittma. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-Perit Roderick Camilleri, l-Avukat Alfred Abela għall-Perit Anthony Mangion, l-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea qegħdin jidhru għall-Kuntrattur Ludvic Dimech.

Sadanittant l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qegħdin jidhru għall-ħaddiema Nicholas Spiteri. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar il-Ħamis fil-11.00 am.