Is-87 individwu, il-Kunsill Lokal u l-għaqdiet li qed jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti permess lill-Fortina Group biex jopera katamaran mill-Bajja tal-Balluta, ikkritikaw l-istqarrija stampa li ppubblikat il-kumpanija t-Tnejn li għadda bħala attentat biex il-Fortina Group jagħti l-impressjoni falza li jimpurtah mill-ambjent.
“Il-bajja kollha mill-Balluta sa wara l-pitch tal-waterpolo ta’ San Ġiljan hija uffiċjalment żona fejn il-membri tal-pubbliku jistgħu jgħumu, jużaw il-kajjikki, jgħoddsu u jipprattikaw diversi attivitajiet marbuta mal-isport tal-ilma. Is-swimming zones huma ħafna iżgħar u qegħdin imdawrin bil-ħbula biex ma jkunux jistgħu jidħlu jet skis u inġenji oħra tal-baħar. Iżda ma jfissirx li l-għawwiema kollha għandhom ikunu kostretti li jgħumu biss f’dawn il-konfini. Aħna m’aħniex tonn maqfulin ġo gaġġa”, qalu dawk li qed joġġezzjonaw.
L-iżviluppatur qed jipprova jgħaddi dan l-iżvilupp bħala xi ħaġa temporanja, li se ġġib magħha ftit li xejn tfixkil. Iżda fil-verità, il-kelma “temporanja” mhix imsemmija darba fl-applikazzjoni li ġiet approvata. Is-servizz tal-ferry għat-turisti kien ġie mħabbar mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività li kienet saret f’Ottubru tal-2019 qabel ma l-permessi kienu għadhom ħarġu, każ ieħor ta’ kif id-deċiżjonijiet ikunu diġà ttieħdu minn qabel, anke jekk kien hemm oġġezzjoni kbira mill-pubbliku.
Ir-rekord ta’ dan l-iżviluppatur huwa xhieda fih innifsu. Dan huwa l-istess grupp li mela l-inħawi tas-Sliema Ferries b’kabini koroh tal-biljetti; l-istess grupp li kien ingħata sit pubbliku qrib xatt il-baħar għal skopijiet turistiċi – li wara ġie żviluppat fi proġett residenzjali spekulattiv. Membri tal-istess grupp kellhom relazzjoni kummerċjali mas-CEO tal-Awtorità tal-Artijiet.
“Aħna nafu x’tirrappreżenta u se nibqgħu nieħdu azzjonijiet legali biex inwaqqfuk milli tkompli tikkapparra l-bajjiet tagħna”, qalu dawk li qed joġġezzjonaw għall-proġett.
//= $special ?>