Sebastian Vettel insista li jrid jibqa’ fil-Formula 1 l-istaġun li ġej iżda ma’ tim li jista’ jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu. Vettel kien fiċ-ċentru ta’ waħda mill-aħbarijiet li spikkaw fil-perjodu tal-coronavirus hekk kif tħabbar li kien se jħalli lil Ferrari meta l-kuntratt tiegħu jiskadi din is-sena.
Rapporti fil-media internazzjonali bdew jistaqsu x’se jkun il-futur ta’ Vettel u jekk hux se jirtira, bis-sewwieq ta’ 32 sena jgħid li l-objettiv tiegħu hu li jingħaqad ma’ tim li jixraqlu. L-erba’ darbiet rebbieħ tad-dinja qal li ilu ħafna f’dan l-isport u għadu interessat ħafna li jikseb aktar suċċessi. Mercedes għadhom ma kkonfermawx lis-sewwieqa tagħhom għas-sena d-dieħla filwaqt li Renault jistgħu jkunu għażla għalih kieku jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom.
“Il-motivazzjoni dejjem kienet il-prestazzjoni fuq iċ-ċirkwit u mhux f’affarijiet esterni. Dik għadha valida għall-istaġun li jmiss. Fil-mument ma għandix kuntratt. Hu tajjeb li nibdew l-istaġun u naħseb li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin ikolli risposta.” Il-kummenti ta’ Vettel isegwu rapporti li Ferrari qatt ma offrew estensjoni tal-kuntratt lil Vettel. Hu se jkun sositwit is-sena d-dieħla minn Carlos Sainz.
//= $special ?>