Internazzjonali

Cina: Jinħatar kap ġdid tas-sigurtà għal Hong Kong

Iċ-Ċina ħatret kap ġdid tal-aġenzija li bdiet tieħu ħsieb is-sigurtà fit-territorju semi-awtonomu ta’ Hong Kong.  L-uffiċjal inkarigat hu Zheng Yanxiong — konservattiv ‘leali għar-reġim komunista ta’ Beijing’ — bl-aġenzija ġdida qed tinforza liġi tas-sigurtà li skont il-kritiċi qed tnaqqar mil-libertajiet ta’ Hong Kong, bħala hub finanzjarju u zona li suppost tgawdi livell ta’ demokrazija.

Il-liġi tas-sigurtà ġdida qed timponi pieni – inklużi termini ta’ priġunerija fit-tul – għar-residenti ta’ Hong Kong li jispiċċaw akkużati bi ‘tfixkil tal-ħidma tal-Gvern’ inkella li jaġixxu bħala separatisti jew li jistgħu jispiċċaw akkużati dwar ‘terroriżmu’ kontra l-Istat taċ-Ċina.

F’din is-sitwazzjoni, numru ta’ attivisti prominenti favur id-demokrazija f’Hong Kong mgħadhomx qed imexxu l-protesti għal-libertà — b’raġel li kien spiċċa arrestat flimkien ma’ persuni oħra  waqt protesti li saru f’nofs il-ġimgħa fit-territorju, issa  jsir l-ewwel persuna li qed jiffaċċja akkużi taħt din il-liġi ġdida.

Il-Gvern komunista taċ-Ċina baqa’ jinsisti li din il-liġi hi neċessarja biex twaqqaf it-tip ta’ dimostrazzjonijiet għall-massa (favur id-demokrazija) li spikkaw f’Hong Kong matul is-sena li għaddiet. Fl-istess ħin, ir-reġim ta’ Beijing qed jiċħad għal kull kritika, meta l-osservaturi barranin huma inkwetati tassew dwar il-futur ta’ Hong Kong.

Is-sovranità ta’ Hong Kong ingħatat lura liċ-Ċina mir-Renju Unit, fl-1997. Dan skont ftehim fejn ċerti drittijiet għar-residenti ta’ Hong Kong kellhom ikunu garantiti għal talanqas 50 sena taħt patt li jesiġi għal ‘pajjiż wieħed ( taċ-Ċina) b’żewġ sistemi’, b’rispett għall-istatus tat-territorju ta’ Hong Kong.