Internazzjonali

COVID-19: L-Ingilterra tneħħi l-kwarantina għall-persuni minn talanqas 50 pajjiż

In-nies li se jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra u li ġejjin minn ‘il fuq minn 50 pajjiż meqjusa bħala low risk, sa mill-10 ta’ Ġunju mhumiex se jkunu suġġetti għal perjodu ta’ kwarantina.

Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Italja huma fost il-pajjiżi eżenti mill-kwarantina u li jaqgħu fil-kategorija ta’ pajjiżi ‘fejn is-sogru tal-Covid-19 huwa minimu ferm’.

Il-lista sħiħa tal-pajjiżi eżenti — li jinkludu lil Malta — kienet ippubblikata ftit tal-ħin ilu. Dan meta għalissa, il-parti kbira tan-nies li qegħdin jaslu fir-Renju Unit minn barra jridu jinżammu iżolati għal ħmistax-il jum.

L-Iskozja u Wales għad iridu jiddeċiedu jekk inaqqsux ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar, bl-uffiċjali tagħhom ifissru l-bidliet tal-Ingilterra fis-sistema għall-kwarantina bħala ‘diżorganizzati u mmexxija b’mod dubjuż’.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, ir-regoli għall-kwarantina se jibqgħu f’posthom fir-rigward tan-nies li jkunu qegħdin jaslu f’artha permezz tal-vjaġġi minn barra r-Renju Unit u r-Repubblika Irlandiża.

Ir-restrizzjonijiet għall-kwarantina fl-Ingilterra daħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ Ġunju, bħala tentattiv biex il-Covid-19 ma jkunx ‘impurtat mill-ġdid’ fil-pajjiż, fi żmien meta dehru qegħdin jonqsu l-infezzjonijiet fost il-Britanniċi.

Ir-regoli ġodda dwar l-eżenzjoni mill-kwarantina jfissru li persuni li jaslu l-Ingilterra minn pajjiżi speċifikati jkunu jistgħu jivvjaġġaw ( fl-Ingilterra) mingħajr il-ħtieġa għal iżolament awtomatiku.

Il-kwarantina tkun applikata biss f’każ li dawn il-persuni jkunu għamlu żmien f’pajjiż li mhux inkluż fil-lista – inkella f’każi fejn il-persuni jkunu vjaġġaw mill-pajjiż partikulari fl-14-il jum ta’ qabel il-wasla tagħhom fl-Ingilterra.

Il-pajjiżi kollha fuq il-lista tal-Istati li r-residenti tagħhom, minn dan ix-xahar, se jkunu eżenti mill-kwarantina mal-wasla fl-Ingilterra huma kategorizzati f’termini ta’ kuluri  li jissimbolizzaw il-prevalenza tal-coronavirus għal kull pajjiż.

Il-kulur ambra — għal pajjiżi bħal Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja – tindika ‘ftehim reċiproku’ li jfisser li l-Britanniċi li jivvjaġġaw lejn l-istess pajjiżi lanqas mhuma se jkunu imposti għall-perjodi ta’ kwarantina.

Il-pajjiżi kategorizzati bħala ‘ħodor’ – u li għandhom ‘livelli baxxi ħafna tal-coronavirus’ – se jkollhom xi restrizzjonijiet għall-viżitaturi mir-Renju Unit.

Sadanittant, l-Ingilterra qed tinsisti b’lista ta’ pajjiżi – fosthom l-Istati Uniti –indikati bħala ‘ħomor’ u li r-restrizzjonijiet għalihom se jibqgħu jkunu applikati.

Il-Ministri fl-Ingilterra kienu taħt pressjoni biex inaqqsu l-miżuri ta’ kwarantina minħabba l-impatt għall-industrija tal-ivvjaġġar.

Id-Dipartiment tat-Trasport qal li saret evalwazzjoni tas-sogru ( risk assessment) li kunsidrat fatturi bħall-prevalenza tal-virus, l-ammont baxx ta’ każi u ‘il-futur potenzjali’ tal-infezzjonijiet mill-Covid-19 għal kull pajjiż.

Il-lista tal-eżenzjonijiet qed tinżamm taħt analiżi kontinwa minħabba l-possibbiltà ta’ ‘emerġenza’ li tirrikjedi l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri għal iżolament f’każi fejn jikber mill-ġdid l-element tas-sogru mill-infezzjonijiet.