Lokali Qorti

“Daphne inqatlet minħabba dak li kienet se tikxef” – Arthur Azzopardi

Hekk kif dalgħodu kompliet l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-avukat Arthur Azzopardi stqarr li hu jemmen – ipoteżi tiegħu – li Caruana Galizia inqatlet minħabba informazzjoni li kienet se tikxef.

Azzopardi qed jixhed minħabba li għal xi żmien kien l-avukat ta’ Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”.

Quddiem il-Bord tal-Inkjesta, Azzopardi xehed li Vince Muscat kien inkwetat għax kien jaf li waħda minn uliedu kienet fil-mira ta’ xi ħadd, u “kien jaf li riedu jitfgħulha l-aċtu”. Anke Azzopardi innifsu kien inkwetat għal ħajtu.

L-Imħallef Abigail Lofaro staqsiet għaliex Vince Muscat qatt ma ingħata maħfra Presidenzjali. B’Azzopardi jwieġeb illi l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar kien qallu li din ġejja minn fuq.

“Minn fuq ġejja, li x-xiehda ta’ Vince Muscat se tkun biss diċeriji”, qal Cutajar lill-avukat Azzopardi. Dan seħħ f’Ottubru li għadda, ftit tal-jiem biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Arthur Azzoparti ta parti mix-xiehda tiegħu fil-magħluq, u għalhekk il-ġurnalisti ġew ordnati joħorġu mill-awla.

L-inkjesta issa se tkompli fit-8 ta’ Lulju.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.