Internazzjonali

Franza: Jean Castex hu l-Prim Ministru ġdid wara r-riżenja ta’ Edouard Philippe

Jean Castex hu l-Prim Ministru ġdid ta’ Franza fejn qed jieħu post Edouard Philippe, li, fl-aħħar sigħat irriżenja mill-kariga wara tliet snin imexxi lill-Gvern tal-President, Emmanuel Macron. Castex kien impressjona, fl-aħħar ġimgħat, għall-mod kif hu ikkoordina l-istrateġija biex Franza tiftaħ mill-ġdid wara l-perjodu twil tal-lockdown dovut għall-coronavirus.

Il-Prim Ministru ġdid ta’ Franza hu uffiċjal pubbliku li ilu jaħdem ma’ diversi Gvernijiet.  Intant, l-għażla ta’ Castex bħala Prim Ministru hi parti minn proċess ta’ reshuffle min-naħa ta’ Macron li qed jipprova minn kollox biex jistimola l-ekonomija ta’ Franza. Mistenni li jinbidlu diversi membri tal-Gvern Franċiż  bħala parti minn dan ir-reshuffle.

Għalkemm Philippe kien ikkunsidrat bħala aktar popolari minn Macron, il-Partit La Republique  En Marche (fil-Gvern) mar ħażin fl-elezzjonijiet lokali ta’ tmiem il-ġimgħa l-oħra. Intant, Philippe u Macron, aktar kmieni llum, qablu dwar ‘il-ħtieġa li l-Gvern jirriżenja’ waqt laqgħa speċifika f’Pariġi.

Il-President Macron qed iwiegħed ‘direzzjoni ġdida’ fl-amministrazzjoni ta’ Franza.

Dan meta l-futur ta’ Philippe kien ilu fid-dubju għal dawn l-aħħar ġimgħat, b’mod partikulari meta l-Gvern kien qed jiffaċċja l-ostakoli u l-kritika qabel u wara l-kriżi tal-Covid-19. Il-President Macron, li kiseb il-poter tliet snin ilu u li qed jikkonfronta l-problemi ekonomiċi sinifikanti, illum qed jitkellem kontinwament dwar it-triq twil u diffiċli għall-pajjiż biex jirkupra f’dan is-settur. Macron qed jenfasizza l-priorità tax-xogħol biex isalva l-impjiegi u biex il-pajjiż jaddotta r-riformi ekonomiċi, soċjali u fl-aħjar interessi tal-ambjent.