Il-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija offriet is-sostenn tagħha lil 500 persuna li aċċettaw jew minn jeddhom ħadu l-għajnuna mit-taqsima. Dan meta l-Pulizija rċeviet mad-90,000 rapport.
Staqsejna lill-Ispettur Sylvana Gafa mill-istess taqsima għalfejn tattribwixxi din ix-xejra baxxa:
“Hemm diversi fatturi għal din iċ-ċifra. Waħda minnhom hija li bħala taqsima bdejna riċentament. Għalhekk, kull sena qegħdin inżidu r-riżorsa umana biex b’hekk, ikollna aktar ċans biex nilħqu aktar vittmi għaliex dan jaffettwa ħafna ir-riżorsi li jkollok.”
Għalkemm id-90,000 rapport mhumiex kollha vittmi ta’ reati, hija qalet li l-għan tat-Taqsima hu li tilħaq aktar nies:
“Aħna bħala taqsima nafu li hemm ħafna aktar vittmi li ma lħaqnihomx forsi mis-servizzi tagħna jew li jkunu rrifjutaw anki dawn is-servizzi tagħna. Dan għaliex għandna numru li ma jidhrux ma’ dawk il-500 però nkunu kkuntattjana lil ħafna aktar vittmi li ma jkunux iridu l-għajnuna jew ma jħossux il-bżonn li xi ħadd jibqa’ jsegwihom.”
Hi kienet qed tindirizza konferenza bit-tema “Vuċi lill-Vittmi” li serviet bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija mal-NGOs u oqsma oħrajn li jaħdmu mal-vittmi.
Fiha tħabbar kif fil-ġimgħat li ġejjin għandha titwaqqaf l-Aġenzija tal-Vittmi tal-Kriminalità sabiex is-servizzi differenti offruti lill-vittmi, li bħalissa jinsabu sparpaljati, jinġabru kollha flimkien.
“L-għan tagħna huwa li ntejjbu s-servizz tagħna lill-vittma. Jekk inti vittma, ħa nħeġġuk anki biex tirrapporta u se jkunu jafu l-appoġġ li hawn disponibbli mill-punt tar-rapport ‘il quddiem. Anki jekk ma tridx tirrapporta, però huwa importanti li jekk inti ssofri minn reat kriminali, dak ir-reat irid jieqaf. Iktar ma jkollok kuxjenza u bil-messaġġ tiegħek tilħaq aktar nies, hemm iktar ċans biex vittma tirrapporta dak li tkun għaddejja minnu.”
Għalhekk temmet tenfasizza fuq il-fatt li kull vittma ghandu jsib is-sostenn meħtieġ.
//= $special ?>