Beda l-proċess tal-qorti għal 20 ċittadin tal-Arabja Sawdija b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi, li kien seħħ fil-konsulat Sawdi ta’ Istanbul, f’Ottubru tal-2018. L-imputati, li qed ikunu proċessati fl-assenza tagħhom, jinkludu żewġ eks kollaboraturi ewlenin mal-Prinċep tal-Arabja Sawdija, Mohammed bin Salman.
Jamal Khashoggi kien kritiku prominenti tal-Prinċep Salman – bl-Arabja Sawdija tispiċċa tmexxi proċess tal-qorti separat fir-rigward tal-omiċidju ta’ dan il-ġurnalista li kien qanqal xokk madwar id-dinja.
Filwaqt li l-proċess tas-Sawdi kien ikkritikat ħafna bħala wieħed inkomplut u ‘nieqes mill-kredibbiltà’, il-ġuri f’Istanbul ukoll qed isir wara mewġa ta’ għadab internazzjonali dwar il-każ ‘Khashoggi’ li, fost oħrajn, tappan ir-reputazzjoni tal-Prinċep Salman.
Il-prosekuturi Torok qed jakkużaw lil Ahmed al-Asiri, l-eks viċi-kap tas-servizzi sigrieti tas-Sawdi, flimkien ma’ Saud al-Qahtani, il-konsulent dwar l-istampa għall-Familja Rjali tal-Arabja Sawdija, b’li ‘mexxew l-azzjoni qattiela’ f’Istanbul. Dawn it-tnejn qed ikunu akkużat wkoll b’li taw struzzjonijiet speċifiċi lil skwadra speċjali magħmulha minn assassini Sawdi.
It-tmintax-il imputati oħrajn qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Khashoggi li miet mgħallaq u li l-fdalijiet tiegħu baqgħu ma nstabux. Uffiċjali fit-Turkija qed jgħidu li l-katavru tal-ġurnalista spiċċa mbiċċer u trasferit lejn sit li baqa’ mhux magħruf sallum.
L-omiċidju seħħ dakinar li l-ġurnalista, li kien residenti fl-Istati Uniti, daħal fil-konsulat Sawdi f’Istanbul biex jikseb dokumenti għaż-żwieġ pendenti tiegħu ma’ mara Torka, Hatice Cengiz.
Intant, Cengiz qed tattendi għall-proċess attwali f’Istanbul, flimkien ma’ Agnes Callamard, li hi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-esekuzzjonijiet jew qtil extra-ġudizzjarji. L-istess Callamard qed torbot direttament lill-Prineċp Salman mal-omiċidju tal-ġurnalista.
L-awtoritajiet Sawdi, għall-bidu, kien ċaħdu kull involviment fil-qtil ta’ Khashoggi iżda wara sostnew li ‘l-azzjoni kienet twettqet minn grupp ta’ persuni li ħadu l-inizjattiva bħala entità separata mill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija’.
F’Diċembru li għadda, qorti fl-Arabja Sawdija kienet ikkundannat lil ħames persuni għall-mewt – bi tlieta oħra jeħlu l-ħabs b’konnessjoni mal-qtil ta’ Khashoggi. Madankollu, il-proċess partikulari tmexxa fis-sigriet u l-imputati inkwistjoni ma kienux identifikati.
//= $special ?>