Lokali Qorti

John Woods mixli b’omiċidju ta’ 12-il sena ilu u jwieġeb mhux ħati

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, tressaq John Woods ta’ dixxdendenza Ingliża akkużat bl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia, liema delitt kien seħħ 12-il sena ilu u li sa sena ilu kien għadu mistur. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

John Paul Charles Woods ta’ 40 sena, ġie mixli li f’Novembru tal-2008, qatel lil Charlene Farrugia ta’ 25 sena li kienet taħdem bħala carer, wara li din kienet instabet imqatta’ biċċiet, f’xelter fil-Belt.

L-isem ta’ Woods qatt ma kien jagħmel parti mill-investigazzjoni u ismu fil-fatt feġġ f’Mejju tas-sena l-oħra wara hold-up li kien wettaq fil-Gżira. Preżenti fl-awla kien hemm oħt il-vittma, viżibbilment imbikkma u r-raġel tagħha.

John Paul Charles Woods allegatament kien stqarr mal-Pulizija li huwa kien qatel lil Charlene Farrugia f’appartmanet fil-Qawra, u wara li qattagħha biċċiet, u li ħbiha f’xelter li jinsab f’sur fil-belt kapitali.

Woods kien inqabad mill-Pulizija wara hold up li allegatament kien wettaq f’ħanut fil-Gżira, u li huwa kien taħt l-influwenza tad-droga u alkoħol. Huwa kien ġie rrapputat li qal lill-Pulizija li kienet ‘qabżitilu’.

Il-Pulizija kienet ikkonfermat li Woods, li twieled Portsmouth qatt ma ssemma qabel, qatt ma kien ġie mitkellem jew interrogat mill-Pulizija dwar l-għajbien ta’ Farrugia.

Huwa ġie mixli wkoll li żamm lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, li qered evidenza, li ħeba l-kadavru tagħha, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li sar reċediv.

Ma saritx talba għal libertà tal-akkużat u li huwa ntbagħat il-ħabs. Għalih deheret l-Avukat Roberta Bonello filwaqt li għall-familjari tal-vittma deher l-Avukat Mario Mifsud. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Grech u Jonathan Ransley.