Lokali Parlament

Joseph Muscat kiser il-kodiċi tal-etika meta aċċetta l-fliexken tal-inbid mingħand Yorgen Fenech

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat instab ħati li kiser il-kodiċi tal-etika meta rċieva fliexken tal-inbid mingħand Yorgen Fenech… il-persuna li hija akkużata b’komplicita’ fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ghall-Istandards, kien il-Ministru Edward Zammit Lewis stess li qal li kien hemm ksur prima facia.

U issa, bi qbil unanimu bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, intlaħaq ftehim li għandu jkun ippubblikat ir-Rapport shih tal-Kummissarju Hyzler dwar dawn l-inbejjed li ngħataw bħala rigal lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan hekk kif ġiet konkluża l-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar ir-rigal ta’ fliexken inbid, li jammontaw għal ftit anqas minn €6,000, li Muscat irċieva mingħand l-imprenditur Yorgen Fenech.

Is-sid ta’ 17 Black kien fost il-mistednin distinti għall-festin li sar fi Frar 2019 ad unur Muscat fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti – 16-il xahar wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għal din l-okkażjoni, Yorgen Fenech kien ta lil Muscat tlett ifliexken ta’ inbid Petrus, li b’kollox jammontaw għal €5,800. Dan fiż-żmien meta Fenech kien diġà magħruf bħala sid il-kumpanija kontroversjali miftuħa fil-Panama.

Fis-snin ta’ qabel, Muscat kien irċieva wkoll żewġ arloġġi li jiswew eluf ta’ ewro, fosthom wieħed Bvlgari bid-deheb abjad għall-Milied 2014, mingħand l-istess negozjant li issa jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kumitat Parlamentari għandu jerġa’ jitlaqqa’ fit-22 ta’ Lulju fejn dakinhar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Gorg Hyzler mistenni jispjega l-konklużjonijiet tar-rapport tiegħu. Preżenti għal dan il-Kumitat kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Carm Mifsud Bonnici.