Atletika Sport

L-atleta Kenjan Wilson Kipsang sospiż erba’ snin

(Ritratt: EPA)

L-atleta Kenjan Wilson Kipsang ġie sospiż erba’ snin wara li kiser ir-regoli ta’ kontra d-doping. Kipsang, rebbieħ darbtejn tal-Maratona ta’ Londra fejn anki kellu r-rekord tad-dinja, falla erba’ appuntamenti. Meta atleta jfalli tliet appuntamenti fi 12-il xahar ikun sospiż awtomatikament.

Kipsang ta’ 38 sena, falla test f’Mejju tas-sena l-oħra minħabba inċident tat-traffiku u pprovda ritratt tal-inċident iżda nstab li kien ta’ Awwissu tas-sena l-oħra. It-Tribunal Dixxiplinari tal-World Athletics qal li l-Kenjan ġie sospiż b’effett mill-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena. L-Athletics Integrity Unit qal fi stqarrija li l-evidenza uriet li l-atleta bagħbas jew prova jbagħbas u kiser ir-regoli tal-IAAF.

Kipsang li rebaħ il-bronż fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 ġie sospiż b’mod proviżorju f’Jannar li għadda. Fil-karriera tiegħu, rebaħ il-maratoni f’Berlin, New York u Tokyo bl-aħjar ħin tiegħu hu sagħtejn, tliet minuti u 13-il sekonda. Ir-riżultati kompetittivi tal-Kenjan bejn it-12 ta’ April 2019 u l-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena ġew annullati iżda għandu d-dritt li jappella fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport.