Coronavirus Lokali

L-ewwel każ impurtat ta’ Covid-19 fl-ewwel jum li nfetaħ l-ajruport

Każ ieħor jirkupra

Fl-aħħar sigħat ġie reġistrat każ wieħed ġdid ta’ Covid-19, każ li huwa impurtat minn barra, u huwa l-ewwel każ reġistrat minn meta nfetaħ l-ajruport fl-1 ta’ Lulju.

Skont post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa tħabbar li l-każ kellu wkoll is-sintomi ta’ dan il-virus.

Net News huwa infurmat li l-każ huwa ta’ raġel li ġie b’titjira tal-Air Malta minn Amsterdam jumejn ilu eżatt fl-ewwel ġurnata li nfetaħ l-ajruport. Jirriżulta wkoll li l-ekwipaġġ tal-linja Nazzjonali tal-Ajru, intalbu jagħmlu self-isolation id-dar, mhux magħruf jekk l-istess direttiva ngħatatx li kienu abbord l-istess ajruplan.

Din l-aħbar ġiet konfermata ftit tal-mumenti ilu permezz ta’ stqarrija mill-Air Malta, l-istess linja appellat biex dawk kollha li kienu fuq l-istess vjaġġ imorru jagħmlu swab test.

Bħalissa, it-total ta’ każi pożittivi għal Covid-19 f’pajjiżna jinsab fil-livell ta’ 672, filwaqt li t-total ta’ dawk li rkupraw hu ta’ 650, b’żieda ta’ persuna oħra fl-aħħar 24 siegħa.

B’hekk, it-total ta’ każi attivi baqa’ dak ta’ 13.

Fis-17-il ġimgħa ta’ din l-imxija f’pajjiżna, kellna 2 każijiet ġodda ta’ Coronavirus, biex kienet l-anqas ġimgħa li ġew irreġistrati każijiet ġodda ta’ dan il-virus.