L-iskema taċ-ċittadinanza Maltija, magħrufa bħala IIP, se tiġi fi tmiemha minn Settembru li ġej. Minflok din l-iskema, se jiddaħħal pjan ta’ residenza li jwassal għaċ-ċittadinanza. Dan qabel biss ftit ġimgħat li mistenni jsir it-test tal-Moneyval.
Din l-iskema xorta se tiġi fi tmiemha anke jekk ma ntlaħaqx l-ammont ta’ 1,800 limitu ta’ ċittadinanza. S’issa kienu approvati 1,500 ċittadinanza.
Fl-iskema l-ġdida, persuni li jkollhom permess għas-residenza biss se jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza. Dan filfatt jista’ jsir b’żewġ modi. Individwi jistgħu japplikaw wara 12-il xahar li jkunu ilhom Malta jekk jinvestu mill-inqas 750,000 ewro. Min-naħa l-oħra applikanti jridu jħallsu 600,000 ewro jew aktar jekk japplikaw wara tliet snin residenza. Apparti dan l-applikanti jridu jinvestu mill-inqas 10,000 ewro f’NGO’s Maltin.
Sabiex wieħed isir ċittadin Malti, irid jgħaddi minn test ta’ eliġibbiltà, fil-fatt id-due diligence test se jkun iktar strett.
Il-lista tal-persuni li jkunu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija se tibqa tiġi ppubblikata iżda mhux se jkun hemm l-ebda informazzjoni dwar jekk din ġiet akkwistata permezz ta’ investiment jew wara li sar żwieġ jew raġunijiet oħra.
It-twaqqif ta’ din l-iskema tħabbar wara li kien hemm diversi appelli fosthom minn The Malta Chamber fejn ftit tal-ġimgħat qalet li l-iskema preżenti għandha tiġi sospiża sabiex l-immaġini ta’ Malta tibda tieħu r-ruħ wara d-daqqa li kellna fl-aħħar xhur fuq ir-reputazzjoni tagħna. Dan bil-għan li tinħoloq skema li tkun tassew qed toffri programm ta’ investiment f’pajjiżna. Appelli simili kienu saru wkoll mill-Oppożizzjoni.
Kmieni fil-bidu ta’ din is-sena, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li se jissokta fuq il-passi ta’ Joseph Muscat fosthom billi se jħalli l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Għalhekk din id-deċiżjoni li titwaqqaf din l-iskema tmur kontra dak li kien qal il-Prim Ministru.
Dan kollu jikkonferma dak li kien ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista għal snin sħaħ… li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għamlet ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
//= $special ?>