Futbol Sport

Leroy Sane uffiċjalment plejer ta’ Bayern Munich

(Ritratt: Bayern Munich)

Leroy Sane hu uffiċjalment plejer ta’ Bayern Munich wara li ċ-champions Ġermaniżi qablu ma’ Manchester City fuq is-somma ta’ €60 milun. L-internazzjonali Ġermaniż għadda għat-tieni parti tal-eżami mediku l-Ħamis filgħodu qabel ikkonkluda t-trasferiment fiċ-ċentru sportiv ta’ Bayern Munich.

Il-klabb Ġermaniż talab apoloġija lil Manchester City wara li ġew ippubblikati ritratti ta’ Sane qabel l-uffiċjalità tat-trasferiment. Il-plejer ta’ 24 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin. Iċ-champions Ġermaniżi se jħallsu fil-bidu €49 miljun, bil-kumplament tas-somma titħallas skont diversi klawsoli relatati mal-prestazzjonijiet.

City se jieħdu 10% tal-profitt li jagħmlu Bayern Munich jekk jiddeċiedu li jbiegħu lil Sane fil-futur. “FC Bayern hu klabb kbir b’għanijiet kbar. Ninsab ħerqan għal sfida ġdida u ma nistax nistenna aktar biex nitħarreġ mat-tim. Naf lil Hansi Flick mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u kellna relazzjoni tajba ħafna. Irrid nirbaħ kemm jista’ jkun unuri ma’ Bayen u ċ-Champions League hi l-prijorità ewlenija,” qal Sane fl-ewwel kummenti tiegħu.

Jidher li l-winger Ġermaniż se jirdoppja s-salarju li kien offrut minn City biex iġedded il-kuntratt, b’Sane mistenni jkollu salarju ta’ €22 miljun fis-sena. Sane ngħaqad ma’ City mingħand Schalke fl-2016 għal €40 miljun u ġej minn injury twila wara li kien weġġa fil-Community Shield f’Awwissu li għadda. Fl-erba’ staġuni ma’ Manchester City, Sane skorja 39 gowl u rebaħ darbtejn il-Premier League, darbtejn il-League Cup, darbtejn il-Community Shield u darba l-FA Cup.