Formula 1 Sport

Lewis Hamilton fuq quddiem fl-ewwel żewġ sessjonijiet liberi u protest minn Red Bull kontra Mercedes

(Ritratt: Formula 1)

Lewis Hamilton wera s-saħħa tal-karozza Mercedes fl-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ prattika hekk kif fi tmiem il-ġimgħa ssir l-ewwel Grand Prix tal-istaġun. Iċ-champion tad-dinja kien l-aktar veloċi segwit minn sieħbu Valtteri Bottas. L-istaġun beda erba’ xhur tard minħabba li l-coronavirus ħarbat il-kalendarju kollu.

Minbarra tmien tlielaq fl-Ewropa skedati għall-għaxar ġimgħat li ġejjin, il-kumplament tal-kalendarju għadu mhux deċiż minħabba tal-impatt differenti tal-Covid-19 madwar id-dinja. Biex jibdew il-kampjonat, it-tmexxija tal-Formula 1ħadet serje ta’ miżuri ta’ sigurtà biex inaqqsu r-riskju tal-coronavirus bi protokolli ta’ distanza soċjali u diversi testijiet.

Protest minn Red Bull kontra Mercedes

Lejliet il-bidu tal-istaġun, Red Bull daħħlu protest wara s-sessjoni tal-bieraħ kontra s-sistema innovattiva ta’ Mercedes magħrufa bħala DAS jew aħjar Dual Axis Steering Red Bull qed jilmentaw li nkisru r-Regolamenti Tekniċi speċifikament artiklu 3.8 li jirreferi għall-influwenza aerodinamika u l-artiklu 10.2.3 li jgħid li ma jista’ jsir l-ebda tibdil fis-sistema tas-suspension waqt li l-karozzi qed jimxu.

L-istewards se jiddeċiedu jekk il-karozza hux legali. Jekk jiddeċiedu li le, Mercedes ikunu kostretti li jagħmlu l-bidliet neċessarji, jiġifieri jneħħu s-sistema. Jekk id-deċiżjoni tkun li s-sistema hi legali, Mercedes ikunu jistgħu jużaw is-sistema u jwassal għal timijiet oħra li jagħmlu l-verżjoni tagħhom. Id-deċiżjoni se tittieħed qabel it-tielet sessjoni ta’ prattika ta’ għada.