Lokali Qorti

Mhux ħati li ħebb għall-Kuntistabbli waqt protesta li saret għar-riżenja ta’ Joseph Muscat

Raġel li attenda għal waħda mill-ħafna protesti li saru fil-Belt, Vallleta biex jirreżenja Joseph Muscat minn Prim Ministru, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Joe Mifsud li ħebb u attakka bi vjolenza kuntistabbli tal-Pulizija.

Antoine Torpiano kien preżenti fi protesta li kienet organiżżata mis-soċjetà ċivili Repubblika fis-26 ta’ Novembru li għadda. Huwa ma nstabx ħati li għall-ħabta tas-6.45pm fi Pjazza Ħelsien attakka jew għamel reżistenza bi vjolenza jew li hebb għal membru tal-Korp tal-Pulizija.

Lanqas ma nstab ħati li li kiser il-paċi pubblika b’għajjat, ġlied u storbju. Il-Maġistrat Mifsud qal li dan huwa każ fejn il-Pulizija ppruvaw iżommu l-ordni u ghal dan il-ghan kien hemm diversi barrikati b’ħafna nies jipprotestaw u f’ħin minnhom kien hemm kommossjoni li waslet ghal dan il-każ.

Każ li nbena fuq clip qasira ta’ video fejn jidher Torpiano ixejjer idejh u Kuntistabbli tal-Pulizija jagħmel manuvra biex jevita d-daqqa. L-uniku xhud  li produċiet il-Prosekuzzjoni kien il-kuntistabbli stess.

Il-Qorti qalet li tiskanta kif ma nġabu l-ebda uffiċjali tal-Pulizija oħra li kienu preżenti biex jixhdu. Lanqas tressqu persuni oħra li mill-clip preżentata jidhru l-aktar importanti fosthom persuna li tidher qiegħda tferraq lil dawk li kienu qegħdin jipprotestaw u ieħor li kien qiegħed jikkalma s-sitwazzjoni.

Torpiano għażel li jixhed u anke ġab xhud li sab clip ieħor tal-inċident li kienet ftit sekondi aktar fit-tul minn dik li preżentaw il-Pulizija.  Il-Qorti qalet li huwa dmir tal-Prosekuzzjoni li tipprova l-każ tagħha skont kif sal-grad ta’ konvinċiment morali u lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni.

Il-Qorti qalet ukoll li ma tħossiex moralment konvinta li l-Prosekuzzjoni laħqet il-grad ta’ prova rikjesta minnha, allura l-Qorti trid tillibera lill-imputat.  

“F’dan il-każ ma jirriżultawx l-ingredjenti meħtiega biex tinstab ħtija ghal din il-kontravenzjoni u għal dawn il-mottivi l-Qorti ma ssibx lil Torpiano ħati,” temmet tgħid il-Qorti. Għal Torpiano deher l-Avukat Joseph Giglio.