Lokali Parlament

Nipproteġu l-widien u l-kmamar tan-nar ta’ Ħal Qormi

Clyde Puli, PN

Fil-parlament id-deputat Clyde Puli appella biex nipproteġu l-ambjent naturali taż-żewġ widien prinċipali ta’ Ħal Qormi; Wied il-Kbir u Wied is-Sewda kif ukoll biex jiġu protetti ż-żewġ kmamar tan-nar ta San Bastjan u San Gorġ li qiegħdin fiż-żewġ widien rispettivi.

Hu tkellem dwar Wied il-Sewda u qal li dan hu wieħed mill-widien sbieħ ta’ Ħal Qormi  iżda jinsab abbandunat, traskurat  u maħmuġ bi skart mormi fih minn persuni rresponsabbli li ħafna drabi jdum ma jinġabarx mill-awtoritajiet.

Hu qal li filwaqt li hu tajjeb li se jintefqu flus mill-Ewropa biex isir proġett ta’ tisbieħ fil-parti urbana u diġà mibnija tal-wied, hu neċessarju li l-parti naturali tal-istess wied tiġi kkurata u rrestawrata bi pjanti u siġar indiġeni. Minkejja li hemm mogħdijiet tal-konkos għall-bdiewa għad hemm uħud minn dawn it-toroq li għadhom perikolużi minħabba ċnut imwaqqa’ u għaldaqstant ta’ periklu għall-vannijiet li jgħaddu minn hemm.  Hu qal li sa ftit gimgħat ilu inqalbet karozza fiż-żona.

Clyde Puli tkellem ukoll dwar Wied il-Kbir u reġa’ oppona bil-qawwi għall-applikazzjoni għal żvilupp ta’ razzett u tar-raba’ tal-madwar f’numru ta’ mħażen industrijali. Dan se jeqred l-ambjent sabiħ tal-inhawi, se jkun ta detriment għar-residenti ta’ Ħal Luqa u se jhdedded it-tradizzjoni tal-logħob tan-nar ta’ Ħal Qormi San Bastjan għaliex dawn jaħdmu u jaħarqu n-nar ftit ‘il boghod minn hemm.

Hu lmenta li Ħal Qormi diġà mibni ħafna u għandu ħafna toroq arterjali u traffikużi għaddejjin minnu. Dawn il-widien huma l-pulmuni ta’ ftit arja friska u nadifa f’Ħal Qormi kif ukoll postijiet ta’ rikreazzjoni u ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Qormin u dawk tal-madwar.

Hu għalhekk wissa’ kontra l-iżvilupp fil-widien u qal li dan jeqred il- ftit ambjent naturali li baqgħalu Ħal Qormi u jnaqqar il-kwalità ta’ ħajja tal-Qormin Wied il-Kbir u Wied is-Sewda minbarra numru ta’ bdiewa u ambjent naturali jospitaw fihom iż-żewġ kmamar tan-nar tal-festi ta’ Ħal Qormi. Hu qal li l-festa u l-logħob tan-nar huma parti importanti mit-tradizzjoni u l-identità Qormija.

Hu qal li kull zvilup fuq il-Widien ta’ Ħal Qormi qed jhedded mhux biss l-ambjent naturali iżda wkoll l-ambjent kulturali tal-komunità Qormija.