L-ex ġurnalista tal-media Laburista Ramona Attard qed tkun imbuttata biex tieħu post Daniel Micallef bħala President tal-Lejber. Dan wara li l-istess Micallef, kif ilu l-pjan sa mill-bidu, jieħu postu bħala Deputy Leader.
Fil-fatt, bħalissa għaddejin manuvri kbar biex Daniel Micallef ma jkunx ikkontestat.
Fl-aħħar sigħat, Attard esprimiet appoġġ assolut lejn Daniel Micallef – persuna li fuq Facebook iddeskrivietu bħala leali u li taf xi jsarraf.
Informazzjoni sensittiva mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tindika li n-nies ta’ Joseph Muscat qed jagħmlu minn kollox biex iżommu l-kontroll tal-partit. U huwa propju għalhekk li jridu jagħtu l-Presidenza lil Ramona Attard.

Fi Frar li għadda Ramona Attard, li sa ftit ilu serviet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġiet maħtura membru fil-bord tal-appelli għall-ippjanar.
Id-deċiżjoni, li ġiet imħabbra riċentament fil-Gazzetta tal-Gvern, qajmet kontroversja u rabja minħabba l-konnessjonijiet mill-qrib li Attard għandha fil-Partit Laburista.
Bil-liġi, dan il-bord għandu jkun wieħed “indipendenti u imparzjali” għaliex huwa jirrevedi d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll dawk tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Intant ftit tal-minuti wara li netnews żvela din l-istorja, Ramona Attard ikkonfermat li ssottomettiet in-nomina tagħha għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista.
