Lokali Qorti

Sentenza mnaqqsa għall-koppja fuq frodi fil-konfront ta’ lukanda

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwin Grima naqqset sentenza fil-konfront ta’ koppja residenti l-Mellieħa wara li dawn kienu nstabu ħatja li wetqqu frodi ta’ eluf ta’ ewro fil-konfront tal-lukanda  Radisson Blue Resort & Spa, li tinsab f’Golden Sands. Huma nstabu ħatja wkoll li saru reċedivi. 

Anthony Cassar ta’ 59 sena u li huwa Għawdxi kellu s-sentenza ta’ ħabs tiegħu sospiżi wara li kienet waħda effettiva mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ sena mis-sentenza Annabelle Camilleri Monreal ta’ 35 sena, li kemm il-darba kisret difrejha mal-Pulizija.

Huma nstabu ħatja li kontra l-liġi billi għamlu użu ta’ ismijiet foloz, għamlu qligh b’qerq ta’ aktar minn  €2,329.37  ghad-dannu tal-lukanda msemmija. Il-koppja kienu ġew kundannati tliet snin ħabs kull wieħed wara li kienu ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom, u wara li kien ġie konfermat ukoll minn naħa tal-lukanda li l-koppja ħallset dak kollu dovut lil lukanda.

Annabelle Camilleri kienet ressqet ukoll diversi xhieda fosthom rappreżentant tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-psikjatra taghha Mark Xuereb, it-tabib Charles Cassar u l-Uffiċjal tal-Probation Sharlet Fabri bhala prova tal-fatt illi hija qed tipprova tirriforma ħajjitha anke filwaqt li hija tinsab il-ħabs.

Il-Qorti qalet li ghad fadal ħafna xogħol x’jsir sabiex meta terġa’ tirrintegra ruħha fis-soċjetà hija ma tkunx ta’ ħsara ghal terzi bil-maniġġi tagħha li tiffroda għadd ta’ persuni.

Dan qalet il-qorti għaliex min ħarsa tal-kondotta tagħha jidher illi hija għandha xejn anqas minn 25 kundanna għal reati diversi konsistenti f’theddid, ġlied, frodi, serq u reati ta’ falsifikazzjoni fost oħrajn, bl-ewwel reat imur lura għas-sena 2008.

Jidher ukoll li hija ġiet mogħtija diversi drabi mill-Qrati, l-opportunita’ biex tirriforma ħajjitha, ħaga li tidher li hija baqgħet ma ghamlitx tant illi ħafna sentenzi fejn hija ġiet mogħtija piena alternattiva għal dik ta’ priġunerija kollha spiċċaw gew konvertiti f’piena ħabs minħabba li hija reġgħet ikkomettiet reati ġodda.

Mhux biss iżda anke waqt il-perjodu tagħha ta’ inkarċerazzjoni jidher illi għadha ma għarrfitx trażżan l-imġieba kaotika tagħha b’mhux inqas minn 20 rapport jigu reġistrati mill-awtoritajiet tal-ħabs ghal imġieba hażina, fosthom ta’ ġlied u disubbidjenza.

Il-Qorti qalet li tawgura li dan il-perijodu ta’ inkarċerazzjoni iservi sabiex hi tagħraf l-iżbalji tagħha tal-passat u tirriforma ħajjitha anke għal ġid t’ uliedha, u għalkemm jidher illi l-ġenituri tagħha dejjem kienu warajha biex joffrulha kull għajnuna li kellha bżonn u li se jkollha bżonn.

Madanakollu għad fadal ħafna xogħol xi jsir minn naħa tagħha sabiex il-qrati jerġgħu jagħrfu jagħtuha il-fiduċja tagħhom biex b’hekk  terġa’ tikkandida ruħha għall-piena fil-komunita’ mingħajr periklu għal terzi. Illi l-piena erogata trid tkun tali illi taghmel gustizzja u li tfittex li tohloq bilanc bejn il-gravita’ tal-kaz u c-cirkostanzi attenwanti li jista’ jkun hemm .

Il-Qorti qalet li għalkemm l-Ewwel Qorti sabitha ħatja tar-reċidiva ma ttieħder l-ebda kunsiderazzjoni fil- kalibrazzjoni tal-piena  skont il-liġi u għalhekk minn tliet snin il-piena naqset għal sentejn ħabs.

Fil-konfrontAnton Cassar, minkejja li l-kondotta tiegġu mhijiex waħda feliżi, madanakollu ħafna mill-infrazzjonijiet tal-liġi huma kollha marbuta mat-tmexxija tad-diversi negozji minnu ġestiti fosthom reati marbuta ma’ nuqqas ta’ hlas ta’ taxxa u ta’ pagi ta’ l-impjegati mal-kumpaniji tieħhu.

Għalhekk il-Qorti qalet li hija tqies illi Cassar huwa kanditat idoneju ħhal piena alternattiva għal dik tal-priġunerija effettiva. Ghal dawn il-motivi il-Qorti  kkundannat lil Anton Cassar ukoll ghal piena ta’ sentejn priġunerija, iżda qed jigi sospiż għal żmien erba’ snin mil-lum.  Għall-akkużati deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.