Lokali Qorti Saħħa

KONFERMATA: Nexia BT ma għamlet ebda due diligence

Il-Gvern seta’ għamel dak li kellu jagħmel u jħassar il-kuntratt minn ma’ Vitals. Dan anke jekk intagħżel mingħajr ma saret ebda ‘due diligence’. Ma kien hemm l-ebda garanziji ta’ investiment qawwi u ma saret ebda nvestigazzjoni fuq in-nies involuti, u jekk dawn setgħux jaslu biex id-deal tkun suċċess.

Ma sar xejn u xejn ma’ ġie vverifkat dwar jekk Ram Tumuluri kienx kapaċi jmexxi proġett bħal dan. Lanqas dwar il-passat tiegħu, assolutament xejn. Il-Gvern kellu jara li dan kollu jseħħ u li d-deal ikun wieħed kif suppost.

Il-kumpanija, li ngħata l-isptarijiet f’Malta u Għawdex kellha kapital ta’ elf ewro biss u ħadd ma kellu idea kif dawn kienu se jaslu. Anke il-Bank of India, li kellu x’jaqsam mal-kumpanija Vitals, ma ta l-ebda garanziji. Biex finalment il-Gvern Maltiu kellu jagħmel garanzija fuq l-isptarijiet mal-Bank of Valletta ta’ 350 miljun ewro, għax ħadd ma kellu s-saħħa finanzjarja.

Dan kollu ħareġ meta kompliet il-kawża li qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex il-poplu jieħu lura l-isptarijiet tiegħu, wara li l-Gvern b’daqqa ta’ pinna tahom bla ebda skrupla lill-privat li kellu jattrezzahom u baqa’ ma għamel xejn.

Fix-xhieda tiegħu Manuel Castagna, tan-Nexia BT li kien hu li ta l-parir lill-Gvern biex jinnegozja ma’ Vitals, qal li kull ma għamel hu kien biss li emmen li Vitals kellhom proposta tajba, u hu kienet jew tintagħżel hi jew xejn għax żewġ bidders oħra kien ġew injorati. Il-framework tal-bid kienet waħda konvinċenti qal ix-xhud.

Meta mistoqsi diversi drabi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u anke mill-Avukat Edward Debono li qed jidher għalih dwar x’jaħseb fuq dak li ġara wara, x-xhud qal li huwa dejjem kien responsabbli biss fil-proċess ta’ meta sar il-bidding, u qal li hu ma’ marx żmerċ, imma kienu “huma li marru żmerċ”.

Dwar dak li kellhom jagħmlu f’ħames sptarijiet li ħadu b’ċens għal 30 sena, u potenzjalment dan jitla’ għall-perjodu ta’ 90 sena, Castagna kompla joqgħod ma’ dak li raha fil-bidding u li kien jemmen li dawn kienu kapaċi jmexxu.

Għal aktar mistoqsijiet fuq kif l-affarijiet marru żmerċ, ix-xhud qal li m’għandux x’jaqsam ma’ dan kollu u l-Gvern seta’ jħassar il-kuntratt kieku ried.

“Bħala accountant, il-finanzjament ta ‘dawn il-ħames sptarijiet, fil-bidu nett ma deherx li dak li kienu qed jipproponu ma kienx biżżejjed. Ma indunajtx li ma kienux kapaċi jagħmlu dan? ” staqsa l-Avukat Debono. ” Le”, wieġeb ix-xhud.

Il-pjan tan-negozju u l-proġezzjonijiet, il-ħlas u l-finanzjament mill-Gvern suppost kellu jkun vijabbli u ta ‘profitt. ” “Allura m’hemmx bżonn ta ‘aktar garanziji?” staqsiet l-Qorti preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale. Hawn ix-xhud qal li hu kellu x’jaqsam biss mal-bidu tal-proċess.

“Il-Gvern aktar tard kellu bżonn € 360 miljun biex jiggarantixxih”, issuġġerixxa Debono. “Dawn il-miljuni kollha, u int tgħid li dan kien proġett vijabbli? U l-gvern kellu bżonn jippompja f ‘360 miljun, jekk kien daqstant tajjeb? ” staqsa l-avukat.

Ix-xhud qal, “nista ‘ngħidlek biss li fl-istadju tal-offerta il-proġett kien vijabbli. Ma nafx jew u ma konx konxju ta’ dak li kien se jiġri wara”, tenna Castagna.

Qal ukoll li fl-istadju preliminari tal-offertà, il-viabilità tal-proġett li jkun vijabbli kienet tiddependi wkoll mit-turiżmu mediku. “Imma kont tant ħażin li l-gvern kellu jiggarantixxi 360 miljun. Mhux ovvja li s-suppożizzjonijiet tiegħek kienu ferm żbaljati? ” saħaq l-Avukat Debono .

“X’investigazzjonijiet għamilt biex ikun aċċertat li Ram Tumuluri jista ‘jagħti u jekk indagajtx fuq fil-passat kummerċjali tiegħu?” “Le ma għamilniex din l-investigazzjoni,” waslet lura r-risposta.

“Int qed tgħidli li int tajt parir lill-Gvern biex imur għal xi ħadd li lanqas biss ġie investigat?” staqsa l-Avukat Debono. Tista ‘tgħidli kif tista’ tagħti parir tajjeb u ma tiftaħx l-għajnejn tal-Gvern biex tara dan il-fatt li ma kien hemm ebda due diligence dwaru?” staqsa l-avukat.

Kien hemm mumenti fejn Adrian Delia kien assertiv u ħa wkoll f’idejh l-eżami tax-xhud, u beda jagħmel diversi mistoqsijiet, fosthom. “Kellek ċertezza li Vitals kienet se tagħmel ix-xogħol kif suppost jew le?” staqsa Delia.

“Nexia BT kellha tipprovdi evidenza tal-kompetenza teknika tal-applikant.” “X’evidenza kienet din?” “Il-kompetenza teknika saret minn Charles Grixti. “Huwa espert mediku,” irrimarka Delia, fuq il-kompetenza dwar kostruzzjoni ma sar xejn”? Le wieġeb ix-xhud.

“Xi ngħidu l-espert tal-kostruzzjoni għidli kompla Delia?” “Aħna ma kellna xejn,” wieġeb ix-xhud. Adrian Delia kompla jgħid fil-Qorti li l-kumpanija twaqqfet inqas minn xahar qabel.

“Bħala espert, sieħeb f’Nexia BT, Tista’ kumpanija b’kapital ta’ €1,000 tissellef €60 miljun, € 30miljun?” Il-bord ingħata ittri ta’ seħan il-moħħ minn banek ta’ fama, wieġeb Castagna.

Meta mistoqsi mill-Avukat Debono jekk kienx qed jaħbi xi ħaġa jew jiddeffendi lil xi ħadd, Manuel Castagna, qal li hu kien qed jitkellem għalih nnifsu.

Jekk kien hemm xi ħaġa li marret ħażin, kull min kien qed jimmonitorjaha kellu l-abbiltà li jirrevoka l-kuntratt. Il-Gvern kellu għażliet biex jirrimedja l-ksur, kompla jgħid.

Il-Parti Nazzjonalista ilu jinsisti mal-Gvern biex minnufih jieħu l-passi neċessarji ħalli jikkanċella u jħassar il-ftehim li permezz tiegħu l-Gvern Malti ta t-tliet sptarijiet tal-Pubbliku, l-isptar San Luqa, Karen u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, lil Vitals u Steward.

Dan mhux biss għamlu b’kawża fil-Qorti imma anke il-Parlament b’mozzjoni iffirmata mill-Kap Adrian Delia, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, u l-Kelliem għall-Governanza Tajba Karol Aquilina.

L-Oppożizzjoni ikkundannat bis-sħiħ il-ftehim li kien sar dwar dawn it-tliet sptarijiet u tikkundanna wkoll bis-sħiħ l-aġir ta’ Konrad Mizzi u l-Gvern Laburista, kontra l-interess nazzjonali, permezz ta’ dan il-ftehim. Il-każ ikompli fit-23 ta’ Settembru li ġej f’nofs inhar.