Futbol Sport

Żejtun Corinthians u Marsa ppreżentati bit-trofew bħala rebbieħa tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni

(Ritratti: MFA)

Żejtun Corinthians ġew ippreżentati bħala rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni f’ċerimonja li saret f’Misraħ ir-Repubblika fiż-Żejtun. Din hi l-ewwel darba li rebħu dan l-unur, f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza taż-Żwieten fil-Kampjonat Premier.

Żejtun kienu jinsabu fuq quddiem fl-Ewwel Diviżjoni meta l-kampjonat waqaf f’Marzu minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA kien temm il-kampjonat ix-xahar ta’ wara u b’vot mill-Kunsill tal-MFA, Żejtun ġew promossi u ddikjarati rebbieħa tal-kampjonat.

Fil-kampjonat li kien fadallu seba’ logħbiet biex jintemm, Żejtun kellhom 38 punt, żewġ punti aktar minn Lija Athletic u tliet punti fuq Qrendi. Il-captain ta’ Żejtun Adrian Carabott għolla t-trofew fost il-ferħ tal-partitarji Żwieten.

Sitwazzjoni simili għal Marsa hekk kif kienu fil-quċċata tat-Tieni Diviżjoni meta l-kampjonat waqaf f’Marzu. Huma kellhom 40 punt minn 19-il logħba, segwiti minn Marsaxlokk bi 38 punt minn 18-il logħba u San Ġwann. Preżenti għall-għoti tat-trofew quddiem il-bini tal-klabb fi Triq Balbi, kien hemm il-President tal-MFA Bjorn Vassallo.

Fil-vot li ttieħed waqt il-Kunsill tal-MFA fil-25 ta’ Mejju li għadda, it-timijiet kollha li spiċċaw l-ewwel fil-klassifika ġew iddikjarati rebbieħa wara li ma setgħux jitkomplew minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 63% ivvutaw Iva, 24% ivvutaw Le, 8% astjenew u 5% ma kellhomx risposta.