Nhar is-Sibt, 25 ta’ Lulju, Heritage Malta qiegħda torganizza żjara madwar Filfla mal-Kuratur Anzjan John J Borg li se jaqsam ma’ dawk li jattendu bosta stejjer kurjużi dwar l-istorja ta’ din il-gżira.
Fost il-mistoqsijiet li se jiġu mwieġba, wieħed isib: Kif iffurmat din il-gżira? Minn fejn ġie isimha? Veru li kien hemm kappella fuq Filfla? Għala din il-gżira kienet tiġbed il-pirati? Kif spiċċat bħala mira għall-bombardamenti fi Żmien l-Ingliżi? Xi speċi jgħixu llum fuq Filfla? Għaliex il-gżira saret riserva naturali?
Dawk li se jattendu se jgawdu mawra fuq dgħajsa filwaqt li jisimgħu dawn il-kurżitajiet. Id-dgħajsa se titlaq minn Tas-Sliema u terħilha għal Filfla iżda ħadd mhu se jinżel fuq Filfla jew jgħum madwarha.
Waqt il-vjaġġ lura, id-dgħajsa se tieqaf għal ħin qasir għal dawk li jixtiequ jgħumu sakemm ikun wasal il-ħin ta’ ritorn lejn Tas-Sliema.
Minkejja li se jkun hemm bar fuq id-dgħajsa li jbiegħ ix-xorb biss, dawk li ser jattendu huma mitluba li jieħdu magħhom l-ikel u x-xorb filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet għall-protezzjoni mix-xemx, fosthom l-ilbies ta’ kappell.
Qabel it-tlugħ fuq id-dgħajsa, se tittieħed it-temperatura ta’ kulħadd u għalhekk, Heritage Malta se tirriserva d-dritt li ma tagħtix aċċess lil min ikollu temperatura ogħla minn 37.2 grad jew lil min ikun ma jiflaħx.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit www.heritagemalta.org jew il-paġna ta’ dan l-avveniment fuq Facebook.
//= $special ?>