F’reazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni, l-Partit Nazzjonalista jqis bħala inaċċettabbli l-fatt li kemm fil-każ tal-ħatra tal-President kif ukoll tal-Prim Imħallef, l-aħħar kelma dejjem se tkun tal-Gvern.
Dan wara li l-Gvern kien stqarr pubblikament li l-Kabinett kien approva li l-President ta’ Malta jiġi elett b’żewġ terzi tal-membri tal-Parlament u wara li kien hemm qbil informali mal-proposta li l-Oppożizzjoni ilha tagħmel biex il-President ta’ Malta jibda jintgħażel b’vot ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Dan mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni li dejjem sostniet li l-ħatra tal-President dejjem għandha ssir b’żewġ terzi, kif isiru dawk tal-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards, liema karigi dejjem imtlew taħt amministrazzjonijiet differenti mingħajr problemi.
L-Oppożizzjoni, permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Tonio Borg,
Membru f’isem il-PN fl-Isteering Committee dwar ir-riforma Kostituzzjonali u Amy Camilleri Zahra, Membru f’isem il-PN fl-Isteering Committee dwar ir-riforma Kostituzzjonali innortat li l-garanzija ta’ sigurta tal-kariga tal-membri tal-ġudikatura, billi ġudikant jista’ jitneħħa biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Parlament qegħda tiġi propost li titneħħa min-naħa tal-Gvern.
L-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata dwar diversi punti li joħorġu mill-abbozzi pubblikati u dan minkejja ftehim fl-Isteering Committee dwar ir-Riforma Kostituzzjonali li l-Gvern kien se jikkonsulta mal-Oppozizzjoni, temmet tgħid l-istqarrija.