Skiet perfett s’issa mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar jekk hux qed jinvestiga lill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.
Dan minkejja dak li qal l-istess Abdilla fil-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn ammetta quddiem l-Imħallfin li ma ħax azzjoni dwar il-Panama Papers. Ian Abdilla ammetta wkoll li ma fetaħ l-ebda investigazzjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri dwar dan.
Ix-xhieda ta’ Abdilla ħalliet lill-Imħallfin li qed imexxu l-Inkjesta Pubblika b’ħalqhom miftuħ, u saħansitra kkummentaw li donnu l-Assistent Kummissarju qed jgħix f’univers parallel.
Izda minkejja dak kollu li ħareġ minn fomm Ian Abdilla stess, Gafà baqa’ s’issa ma qal xejn dwar jekk hux se jieħu xi tip ta’ azzjoni fil-konfront tal-Assistent Kummissarju, u mistoqsijiet mibgħuta minn NET News f’dan ir-rigward għadhom mhux imwieġba.


Ftit aktar minn ġimgħa ilu, f’konferenza tal-aħbarijet li sejjaħ hu stess, il-Kummissarju l-ġdid -is-seba’ wieħed f’seba’ snin – kien stqarr, għal darba darbtejn li skont hu, Ian Abdilla dejjem għamel xogħlu sew meta kien qed imexxi t-Taqsima Kontra r-Reati Ekonomiċi.
Madankollu, u minkejja li Gafà donnu ried jagħti x’jifhem li l-allegazzjonijiet dwar Abdilla kienu biss fantażija ta’ xi wħud, l-ewwel ħaġa li ħabbar kif bdiet il-konferenza kienet propju t-tneħħija tal-istess Abdilla minn Kap tat-Taqsima li mexxa fl-aħħar snin.
Filfatt Gafà ħabbar li post Abdilla fl-Economic Crimes Unit se tkun qed tieħdu l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.
Issa jidher li Angelo Gafà qed jilgħab musical chairs b’Abdilla u minn Kap tat-Taqsima li suppost tinvestiga reati ekonomiċi bħal ħasil ta’ flus, poġġieh fis-sezzjoni responnsabbli mill-IT. Hu tah ukoll it-titlu ta’ Direttur, b’Abdilla issa se jkun qed iwieġeb direttament liċ-Chief Corporate Services Officer, li sal-lum għadna ma nafux min se jkun.
//= $special ?>