Lokali

Il-Ministri jibqgħu jdoqqu d-diska li “l-istituzzjonijiet ħadmu”

Din il-ġimgħa komplew joħorġu aktar dettalji li jikkundannaw l-aġir tal-Gvern Laburista f’diversi deals u inizjattivi li għandhom riħa qawwija ta’ korruzzjoni.

Iżda l-Ministri tal-Gvern ta’ Robert Abela jibqgħu idoqqu l-istess diska tal-istituzzjonijiet li ħadmu, minkejja li qed joħorġu aktar fatti li jindikaw li ġara eżatt bil-kontra.

L-aħħar wieħed li tana din it-tweġiba kien il-Ministru Ian Borg meta staqsejnieh meta u minn min se tintrefa’ r-responsabbiltà politika tal-aħħar żviluppi: ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab li l-eks PM Muscat kiser il-kodiċi ta’ etika meta aċċetta rigali mingħand Yorgen Fenech, il-konferma fil-Qorti li Nexia BT qatt ma għamlet due diligence fuq il-kumpanija Vitals fid-deal tal-Isptarijiet u l-waqfien tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti lejlet ir-rapport finali tal-Moneyval.

Mistoqsi dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Ian Borg qal li l-iskema għenet biex ħaddiema ma jitilfux ix-xogħol waqt il-pandemija tal-Covid-19. Qal ukoll li l-Gvern kien għaqli fin-nefqa tiegħu

Izda mistqosi dwar il-mijiet ta’ miljuni li ntefqu fid-deal skandaluża tal-Vitals, Ian Borg reġa’ farfara fuq l-istituzzjonijiet.

Ian Borg kien mistoqsi hekk kif is-Sibt filgħodu kien inawgurat pont għall-mixi u r-roti minn Spencer Hill fil-Marsa għall-Blata l-Bajda, fejn il-kwartieri tas-soċjeta’ tal-Mużew. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm żewġ Ministri, Segretarju Parlamentari u tliet Sindki.