Floriana ġew preżentati bit-trofew tal-Kampjonat BOV Premier wara li fil-25 ta’ Mejju ġew dikjarati champions għas-26 darba wara nuqqas ta’ 27 sena.
Dan seħħ wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-MFA, minħabba li l-Kampjonat Premier kellu jiġi sopiż f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Aktar ‘il quddiem, iġifieri fit-18 ta’ Mejju l-Eżekuttiv tal-MFA, iddeċieda li l-kampjonati lokali ma jitkomplewx u b’hekk id-deċiżjoni dwar il-verdetti finali għaddiet f’idejn il-Kunsill.
Floriana dan l-istaġun kienu l-aktar tim konsistenti fejn minn 20 logħba kisbu 41 punt li minnhom sofrew biss tliet telfiet.
It-tim ta’ Enzo Potenza kellu wkoll l-aqwa difiża u l-aqwa attakk fejn skorjaw 38 gowl u sofrew 15.
Huma kellhom ukoll l-aqwa skorer tal-kampjonat, lill-attakkant Taljan/Albaniż Kristian Keqi fejn sab ix-xibka 14 –il darba għal Floriana.
Il-presentazzjoni tat-trofew saret fi Triq Sant’ Anna fil-Floriana fejn il-President tal-MFA Bjorn Vassallo preżenta t-trofew lill-captain Clyde Borg li mistenni jħalli lill-klabb.