Futbol Sport

Juventus b’rebħa kbira fid-derby ta’ Turin

(Ritratt: EPA)

TURIN – Fid-derby ta’ Torino, Juventus għelbu lil Torino 4-1 biex komplew isaħħu posthom fil-quċċata tal-klassifika u komplew jitfgħu lil Torino f’aktar periklu.

Juventus fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta Cuadrado lagħab ballun tajjeb lejn DYBALA li b’xutt fil-baxx għeleb lil Sirigu. F’din il-partita l-gowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon waqqaf rekord ġdid meta lagħab 648 logħba biex sar l-aktar plejer li lagħab fis-Serie A. Juventus skorjaw t-tieni gowl fid-29 minuta wara permezz ta’ CUADRADO wara li qabeż avversarju b’mod intelliġenti.

Torino resqu viċin li jidħlu fil-partita b’konklużjoni ta’ Verdi, b’Buffon jirrispondi b’save tajjeb. Torino ngħataw penalty fil-ħin addizzjonali ta’ tmiem l-ewwel taqsima wara li De Ligt deher imiss il-ballun b’idu. Minn ħdax –il metru BELOTTI għamilhom 2-1. Juventus reġgħu fetħu vantaġġ doppju fil-61 minuta permezz ta’ freekick ta’ CRISTIANO RONALDO. Il-Bianconeri żiedu gowl ieħor fis-87 minuta meta minn cross tajjeb ta’ Douglas Costa kien KOFFI DJIDJI li tefa’ fix-xibka tiegħu stess.