Coronavirus Lokali

L-ebda każ ġdid f’pajjiżna fl-aħħar 24 siegħa

Għall-ewwel darba minn meta l-Coronavirus laqat pajjiżna – f’Marzu li għadda – ma fadal ħadd fl-Isptar Mater Dei li qed jingħata l-kura kontra l-virus. Dan hekk kif issa, l-ammont ta’ każi attivi niżel għal 12.

Dan irriżulta mill-aġġornament li l-Ministeru tas-Saħħa ppubblika fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, li hu l-unika forma ta’ aġġornament li qed jingħata għal dawn l-aħħar ġimgħat. Ironikament, din il-proċedura nbdiet appena l-Prim Ministru ħabbar li mill-1 ta’ Lulju kienu se jinfetħu l-Ajruport Internazzjonali u l-portijiet.

Skont l-aħħar aġġornament, fl-aħħar 24 siegħa ma rriżulta l-ebda każ pożittiv ġdid ta’ Coronavirus. Min-naħa l-oħra, persuna oħra rriżultat li fieqet. B’hekk, it-total tal-każi pożittivi mill-bidu tal-pandemija baqa’ 672, filwaqt li dawk li fiequ tela’ għal 651 u dawk li sfortunatament mietu kawża tal-virus baqgħu disgħa.

Il-Ministeru spjega li mit-12-il każ li fadal attiv, pazjent għadu qed jingħata l-kura fl-Isptar Karin Grech, ieħor fl-Isptar St Thomas u erbgħa fl-Isptar Boffa. Min-naħa l-oħra, u minkejja li dan jibqa’ suġġett li jaffettwa lill-poplu kollu, jibqa’ s-skiet tal-media Laburista li issa ilu ġimgħat ma jxandar kwalunkwe forma ta’ aġġornament dwar il-Coronavirus f’pajjiżna.