Lokali

“Ladarba tmur il-missjoni tifhem sew kemm huma kbar il-bżonnijiet”

Il-pandemija tal-Covid-19 laqtet ħażin lill-pajjiżi tad-dinja kollha, iżda l-pajjizi li diġà kienu f’sitwazzjoni diffiċli qabel ma wasal il-virus komplew iżżerżqu ‘l isfel u qed isibu ma’ wiċċhom sfidi ferm aktar minn ta’ qabel, fosthom faqar dejjem akbar, ġuħ, nuqqas ta’ ilma u affarijiet bażiċi u nuqqas ta’ apparat mediku.

Għal sena oħra, qed tittella’ l-Maratona Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta, li għal darb’oħra għandha l-għan li toffri xi ftit ta’ għajnuna lil dawk il-pajjiżi l-aktar magħkusa.

Net News tkellem ma’ Robert Farrugia, wiċċ sinonimu ma’ din il-Maratona, li qalilna li hu dejjem kien involut fil-ġbir għall-missjoni iżda fehem verament xi tfisser din l-għajnuna meta mar hu fuq xogħol ta’ missjoni. Hemm fehem verament kemm huma kbar il-bżonnijiet.

Fr Victor Agius, qassis Djoċesan li għamel 40 sena jaħdem f’pajjiżi foqra u fil-missjoni, qal li l-faqar f’dawn il-pajjiżi għallmu kultura differenti li għenitu jifhem ukoll il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies.

Matul il-maratona, ta l-kontribut tiegħu wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jgħin lil dawk li għandhom bżonnijiet akbar minn tagħna, u li meta nagħtu aħna nirċievu lura bil-bosta.

Il-maratona tagħlaq f’nofsillejl.