Futbol Sport

Manchester United ikomplu jirbħu filwaqt li Norwich viċin li jiġu relegati

(Ritratt: EPA)

Manchester United komplew jimpressjonaw meta f’darhom għelbu lil Bournemouth 5-2. It-tim ta’ Bournemouth fetħu tajjeb u wara kwarta marru fil-vantaġġ permezz ta’ STANISLAS b’gowl personali. Manchester United irrispondew u ġabu d-draw man-nofsiegħa logħob b’gowl mill-isbaħ taż-żagħżugħ MASON GREENWOOD. Fit-35 minuta t-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer ingħataw penalty wara li Smith deher imiss il-ballun b’idu. MARCUS RASHFORD minn ħdax –il metru ma żbaljax. MARTIAL għamilhom tlieta ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni 45 minuta, Bournemouth ħarġu xi ftit aħjar u naqsu d-distakk fid-49 minuta permezz ta’ JOSHUA KING. Manchester United reġgħu fetħu vantaġġ doppju mal-54 minuta permezz ta’ GREENWOOD biex ħames minuti wara BRUNO FERNANDES bi freekick mill-isbaħ għamilhom 5-2.

Norwich isofru telfa oħra u jkomplu jonqsu t-tamiet li jaslvaw posthom fil-Premier League meta f’konfront dirett f’darhom tilfu kontra Brighton 1-0. It-tim ta’ Graham Potter fetħu tajjeb u wara 25 minuta marru fil-vantaġġ permezz ta’ TROSSARD wara li rċieva ballun tajjeb mingħand Mooy. Brighton resqu viċin li jirduppjaw mal-50 minuta meta free-kick ta’ Mooy għadda ftit barra. Norwich resqu viċin li jġibu d-draw tard fil-partita meta d-daqqa ta’ ras ta’ McLean ħabtet mal-lasta.

Leicester irritornaw għar-rebħ fejn f’darhom għelbu lil Crystal Palace 3-0. It-tim ta’ Brendan Rogers fetaħ tajjeb u wara biss kwarta resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta konklużjoni ta’ Justin ħabtet mal-lasta.

Leicester marru fil-vantaġġ fid-49 minuta meta minn żball tal-gowlkiper approfitta KELECHI IHEANACHO. Leicester irduppjaw fis-77 minuta permezz ta’ JAMIE VARDY li skorja l-100 gowl tiegħu fil-Premier League. Il-Foxes għalqu l-logħba fl-94 minuta permezz tal-istess VARDY li għaqqad doppjetta.