Lokali

“Rabta qawwija bejn Joseph Muscat u Yorgen Fenech” – PN

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jikkonferma r-rabta qawwija li teżisti bejn Joseph Muscat u Yorgen Fenech, is-sid il-kumpanija 17 Black li llum-il ġurnata jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija qal li fir-rapport tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda ksur prima facie minn Joseph Muscat ta’ ħames partijiet tal-Kodiċi ta’ Etika fosthom dwar kunflitt ta’ interess, l-aċċettazzjoni ta’ rigali, l-onestà u l-valuri tat-tmexxija.

Quddiem dan kollu, kompla l-Partit Nazzjonalista, Joseph Muscat għandu jieqaf jivvinta skużi u jilgħab bil-kliem u minflok għandu jibda jassumi r-responsabbilità sħiħa għall-imġieba skandaluża tiegħu.

Dan hu mument ieħor ta’ prova għall-Prim Ministru Robert Abela li qed ikollu jibqa’ jiddefendi akkost ta’ kollox lil Joseph Muscat, ittemm tgħid l-istqarrija.