Lokali

“Se nara li jasal il-jum meta l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin” – Adrian Delia

“Se nara li jasal il-jum meta l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin għax il-ħniżrijiet tal-Gvern fuq is-saħħa tal-poplu tagħna huwa bla preċedent.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist ta’ NET News Francesco Catania.

Adrian Delia qal li dan id-deal skandaluż li bih tajna tliet sptarijiet huwa kapolavur ieħor tal-eks Ministru Konrad Mizzi, li rabat lill-Maltin u l-Għawdxin ma nies li kienu għadhom kif għamlu kumpanija, li ma nafux min hi, bla kapital u bla garanziji bankarji u bla ebda esperjenza. Vitals ingħataw kuntratt ta’ €2,000 miljun biex imexxu t-tliet sptarijiet għal 90 sena u biex ikollna world class health system meta ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa.

Dan meta fil-Qorti ħareġ ċar li ma sarx id-due diligence fuq Vitals, kumpanija li kienet irreġistrata inqas minn xahar qabel ma ngħatat dan il-kuntratt u b’kapital ta’ €1,000 biss u bla ebda rabtiet mal-banek sabiex jagħtuhom is-self meta ntrabtu li jagħmlu b’€187 miljun f’investiment, liema investiment qatt ma sar.

Fil-Qorti, direttur ta’ Nexia BT stess qal li dan il-kuntratt għandu jiġi kkanċellat. Adrian Delia qal li Robert Abela dan kollu jafu għax kien hemm meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien hemm meta Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd mar jiffirma kuntratt li nagħtu lil Steward €100 miljun jekk ifallu. Huwa fakkar li f’Jannar, Robert Abela kien qalilna li se jqabbad l-esperti biex jaraw dan il-kuntratt u sal-lum sitt xhur wara baqa’ ma għamel xejn u n-nies baqgħu jinsterqu.

Hu staqsa għalfejn Robert Abela għadu qed jaċċetta li nħallsu l-miljuni fis-sena lil min mhu qed jagħtina xejn lura, biex jiġi aġevolati kumpaniji barranin li qegħdin jisirquna. Staqsa għalfejn Robert Abela ma jaqbiżx għall-Maltin. Adrian Delia stieden lil Robert Abela biex imur miegħu fil-Qorti biex flimkien jitwaqqaf dan il-deal skandaluż u jieqaf is-serq mill-but tal-poplu tagħna. Flus li nistgħu ninvestuhom lura fil-ħaddiema, n-negozji u l-familji tagħna f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija. Miljuni kbar li nistgħu niffrankaw mid-deals skandalużi tal-korruzzjoni li nistgħu nużaw biex intejjbu l-ħajja tan-nies fejn igawdi kulħadd.


Il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ li nnaddfu dal-ħmieġ b’sistemi fejn issir il-ġustizzja u titneħħa l-kultura tal-impunita’, fejn min żbalja jieħu li ħaqqu u nerġgħu nsewwu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Adrian Delia qal li jrid li pajjiżna jgħaddi mill-eżami tal-Moneyval u l-PN qed jiltaqa’ mal-istakeholders kollha biex verament ngħaddi minn dan l-eżami importanti, biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fuq eluf ta’ impjiegi tal-professjonisti u ż-żgħażagħ tagħna. Huwa qal li meta l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika prima facie sab li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kiser il-kodiċi ta’ etika bi qrubija ma’ Yorgen Fenech meta aċċetta rigali personali u meta għandek l-Avukat Ġenerali jagħti struzzjonijiet lill-Pulizija biex jeħduha bil-mod fl-investigazzjonijiet fuq il-Panama Papers li ma jmurx ikun hemm xi politiku, mhux qegħdin nibgħatu sinjal li l-affarijiet qegħdin isiru differenti minn qabel.


Adrian Delia rrefera għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u saħaq li jinsab kuntent li din l-iskema se tieqaf għaliex din ma kinitx investiment imma bejgħ tal-passaporti lil min għandu x’jaħbi, lil kienet qed tattira nies b’passat kriminali u nies ta’ segretezza. Huwa fakkar kif qabel ma daħal fil-politika kien qal li din skema li kienet se tagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u għalhekk huwa tajjeb li għal darb’oħra l-Gvern sema’ mill-Oppożizzjoni u issa rridu naraw liema hi l-aħjar struttura biex inġibu l-investiment veru. Flimkien ninċentivaw il-postijiet tax-xogħol u noħolqu setturi ġodda ekonomiċi u setturi oħrajn dinamiċi li nistgħu nkomplu nkabbruhom, opportunitajiet jekk narmu l-ħmieġ u nerġgħu niffukaw fuq it-tajjeb biex pajjiżna jerġa’ jsir hub ta’ eċċellenza f’setturi innovattivi.


Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista riformat għandu l-għodda ta’ statut ġdid u b’direzzjoni li jiġbor firxa wiesgħa ta’ nies, b’politika min-nies għan nies u li nservu l-ġid komuni u dan ukoll bi clusters, fejn grupp ta’ nies jaħdmu flimkien f’qafas organizzat li se jwassal għall programm elettorali, biex intejbu s-setturi kollha tas-soċjeta’ biex in-nies ikollhom kwalita’ tal-ħajja aħjar. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen f’Malta u fl-abbiltajiet tal-Maltin u li nistgħu nikkompetu ma’ ħaddiehor. Aħna kburin li aħna Maltin.