Internazzjonali

COVID-19 fl-Ingilterra: Divertiment fil-pubs ta’ Londra waqt ‘Super Saturday’

L-awtoritajiet tal-pulizija f’Londra qalu li ma kien hemm l-ebda inċidenti jew issues partikulari waqt l-hekk-imsejjaħ Super Saturday – fejn l-istabbilimenti tax-xorb, matul il-lejl tas-Sibt, tħallew jiftħu għall-pubbliku għall-ewwel darba f’aktar minn tliet xhur.

In-nies imlew il-pubs tal-kapitali bi ħġarhom, bl-attività tispikka f’numru ta’ zoni ċentrali u bnadi oħra ta’ Londra.

Il-gruppi li ħarġu jissoċjalizzaw – fost pinta birra jew tnejn – imlew l-inħawi ta’ Soho u Portobello Road waqt li kelliema għall-Pulizija Metropolitana sostnew li numru żgħir ta’ pubs kienu mitluba biex jagħlqu kmieni minħabba ‘sitwazzjonijiet ta’ fullar żejjed’ u xi kwistjonijiet ta’ social distancing.

Madankollu, kien hemm ħafna aktar aħbarijiet pożittivi dwar kif imxew l-affarijiet matul il-lejl tas-Sibt.

Dan waqt li l-pulizija spjegaw li l-membri tal-pubbliku u s-sidien tal-istabbilimenti, fil-parti kbira, ikkooperaw mar-regoli għall-ħarsien tas-saħħa fid-diversi zoni tal-kapitali magħrufin għall-famużi Old English Pubs u theme bars.

Fl-istess ħin, John Apter, li hu ċ-Chairman tal-Federazzjoni tal-Pulizija ( assoċjazzjoni għall-membri tal-korp fl-Ingilterra u Wales) wissa li f’dawn is-sitwazzjonijiet fejn in-nies jiltaqgħu biex jixorbu fil-postijiet pubbliċi ‘hu diffiċli biex wieħed jaċċerta li n-nies iżommu distanza aċċettabbli minn ma’ xulxin.’

Iżda s-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, għamilha ċara li jinsab sodisfatt bil-mod kif il-pubbliku ġab ruħu waqt l-ewwel ħarġa għal xhur san-night spots ta’ Londra. Hu qal li ħassu kuntent li n-nies setgħu jiddevertu u fejn, fil-parti kbira, dehru qed jirrispettaw id-distanza soċjali.

Rapporti oħra – din id-darba minn Nottinghamshire, fir-reġjun tal-East Midlands – qalu li numru ta’ pubs lokali kienu mġiegħelha jagħlqu fil-lejl tas-Sibt u li dan kien dovut għal ‘imġieba anti-soċjali xprunata mill-konsum tal-alkoħol’.