Lokali

“Dan hu l-mument tal-verità għall-AirMalta” – MHRA

“Dan hu l-mument tal-verità għall-AirMalta.”

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti illi rreferiet għad-diżgwid li hemm bhalissa fi ħdan l-AirMalta bejn il-management u l-piloti.

F’botta u risposta, l-AirMalta talbet lill-ALPA biex ibiddlu l-attitudni tagħhom hekk kif qed jirriskjaw li l-kumpanija tfalli. Dan wara li l-ALPA uriet it-tħassib tagħha b’rabta mas-saħħa tal-bdoti hekk kif żewġ bdoti qed ikunu fl-istess kabina. L-ALPA reġgħet wieġbet lura li l-kumpanija naqset milli tagħti assigurazzjoni li s-saħħa tal-bdoti tinsab imħarsa.

L-MHRA saħqet li jekk il-ħaddiema kollha mhumiex se jaħdmu flimkien u jgħelbu d-diżgwid li hemm, l-AirMalta se tispiċċa tbati l-konsegwenzi, b’riżultat li kemm il-Maltin u anke l-ekonomija ta’ pajjiżna se jiġu affetwati hazin. Dan se jkun riżultat ta’ ħela ta’ investiment li sar mill-Gvern fil-passat u ħela ta’ flus mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi biex tkun tista’ tibqa’ topera.

Hekk kif fl-aħħar xhur għadd ta’ ħaddiema tal-AirMalta ħadmu bla waqfien biex il-kumpanija ma tfallix fid-dawl tal-kriżi tal-pandemija, id-diżwid li qed jinħoloq jaf iġib riperkussjonijiet mill-iktar gravi.

L-istqarrija tgħalaq billi tgħid li jekk l-AirMalta mhix se tingħaqqad u taħdem mal-ALPA, l-ekonomija se tieħu daqqa ikbar, bil-linja nazzjonali ta’ pajjiżna se tkun qed tispiċċa fix-xejn.

Fl-aħħar ġimgħat, 69 bdot tkeċċew mill-AirMalta, b’uħud mill-piloti kienu ilhom jaħdmu mal-istess linja tal-ajru għal żewġ deċennji.

Il-President tal-Unjoni tal-Bdoti, Dominic Azzopardi kien wera d-dispjaċir tiegħu li bi skuża ta’ żmien il-Coronavirus ġew imkeċċija għadd ta’ piloti, liema azzjoni kienet ilha pjanata għal żmien twil. Hu kien qal illi kulma jixtiequ huma hu garanzija ta’ xogħol – u huma ma tkeċċewx għax għamlu xi ħaġa ħażina, anzi dejjem kienu leali lejn il-kumpanija u l-klijenti.