Il-President Amerikan, Donald Trump, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum l-Indipendenza tal-Istati Uniti, insista li pajjiżu wettaq il-progress fil-kampanji intensivi lejn it-trażżin tal-Covid-19 u meta l-infezzjonijiet b’dan il-virus qattiel komplew jiżdiedu b’rata regolari fil-pajjiż.
Trump, li kien akkumpanjat minn martu Melania, tkellem fit-tul dwar is-sitwazzjoni tal-coronavirus meta indirizza folla fil-White House ta’ Washington u fejn kien hemm preżenti wkoll numru ta’ suldati Amerikani flimkien ma’ membri tal-istaff mediku.
Filwaqt li Trump qed ikun ikkritikat għall-mod kif ħa ħsieb il-pandemija f’pajjiżu, il-President Amerikan mill-ġdid qal li ċ-Ċina – il-pajjiż fejn oriġina l-virus – għandha tinżamm ‘totalment kontabbli’ għal din is-sitwazzjoni.
Il-President irrefera wkoll ‘għall-kapaċità xjentifika brillanti’ tal-Istati Uniti u qal li pajjiżu x’aktarx li jsib ‘soluzzjoni (għall-Covid-19) fil-forma ta’ vaċċina ħafna qabel l-aħħar tas-sena’. Dan minkejja li l-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, kien wissa, f’Ġunju, li x-xjenzati jistgħu ma jirnexxilhom qatt joħolqu vaċċin effettiv kontra l-coronavirus.
L-Istati Uniti għandha l-akbar numru ta’ mejtin u infezzjonijiet mill-Covid-19 u meta nhar is-Sibt ( skont l-aħħar ċifri) ikkonfermat aktar minn 43,000 infezzjonijiet ġodda f’perjodu ta’ 24 siegħa. Waqt id-diskors fil-White House, Trump ma għamel l-ebda referenza għal qrib il-130,000 mewta ta’ Amerikani li huma relatati ma’ din il-pandemija.
Ma sarux ħafna avvenimenti għall-pubbliku b’konnessjoni mal-festi tal-‘4th of July’ minħabba l-element ta’ sogru għas-saħħa pubblika. Il-bajjiet fi Florida u Kalifornja, intant, baqgħu magħluqin, waqt li ma sarux is-soltu programmi pirotekniċi ( sinonimi ma’ din il-festa tal-indipendenza) inkella l-parati tradizzjonali fl-ibliet tal-Istati Uniti.
Joe Biden, il-kandidat Demokratiku li f’Novembru se jisfida lil Trump għall-White House, qal li f’dawn iż-żmenijiet, ‘wieħed mill-aktar affarijiet patrijottiċi li jistgħu jagħmlu l-Amerikan jinvolvi l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ fil-pubbliku’.
Intant, Donald Trump uża l-indirizz għal Jum l-Indipendenza biex isostni l-impenn tiegħu ‘biex jegħleb lir-radikali tax-xellug’ fi żmien meta l-Istati Uniti qed tkun iddominata mill-protesti tal-attivisti mal-moviment ‘Black Lives Matter’.
Trump insista li se jiġġieled biex jippreserva ‘l-istil tal-ħajja tal-Amerikani’, filwaqt li kkundanna lill-folol tan-nies li qegħdin jattakkaw u jivvandalizzaw lill-monumenti storiċi ta’ pajjiżu.
//= $special ?>