Numru sinifikanti ta’ nies mietu jew spiċċaw rappurtati nieqsa fost xita bla preċedent li kkaġunat sensiela ta’ valangi u għargħar fil-gżira ta’ Kyushu, lejn in-nofsinar tal-pajjiż.
Talanqas 14-il vittma nstabu ġo dar għall-anzjani li spiċċat mifqugħa bl-ilma tax-xmara li telgħet l-art u mliet numru ta’ zoni.
Dan waqt li l-awtoritajiet ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn 200,000 resident mill-inħawi taħt periklu, b’eluf ta’ suldati jispiċċaw jgħinu lill-iskwadri tas-salvataġġ li wieġbu għal diversi sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
L-aħħar maltemp u l-elementi tiegħu qed jidhru li rriżultaw f’konsegwenzi mill-aktar katastrofiċi, bl-ammont tal-vittmi mistenni li jitla’ waqt li l-awtoritajiet ikomplu jevalwaw l-impatt tagħhom qalb il-komunitajiet.
Intant, ir-rapporti rreferew għal numru ta’ persuni li spiċċaw f’sitwazzjoni kritika u kien mistenni biss li t-tobba, ‘il quddiem, joħorġulhom iċ-ċertifikati tal-mewt uffiċjali.
Il-provinċji ta’ Kumamoto u Kagoshima kienu fost l-agħar provinċji milquta mix-xita u l-valangi, bil-Prim Ministru Ġappuniż. Shinzo Abe, iħeġġeġ biex ir-residenti jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela u jibqgħu allert fiċ-ċirkustanzi.
Waqt l-eqqel tal-maltemp, spiċċa jċedi l-pont ta’ fuq ix-Xmara Kuma li spiċċa mkaxkar mill-ilma. Dan waqt li bdew joħorġu numru ta’ filmati taz-zoni milqutin fejn spikkaw kwantità ta’ karozzi u djar li spiċċaw mgħarrqin kważi għal kollox.
Uħud mir-residenti taz-zoni li kienu ntervistati qalu li ma raw qatt xita daqshekk intensiva, bl-aħħar rapporti minn Ashikita, fil-provinċja ta’ Kumamato, jirreferu għas-siġar u partijiet tad-djar li ċedew u li nġarru ‘il hinn mill-ilma – bl-arja timtela bl-irwejjaħ tad-drenaġġ fost leakages ta’ gass b’kaġun tal-qerda fl-infrastruttura.
L-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun li kkummentat fuq is-sitwazzjoni wkoll sostniet li r-reġjun inkwistjoni qatt qabel ma għadda minn ħalbiet tax-xita daqstant konsistenti u perikolużi.
//= $special ?>