Lokali

“Qatt m’hu se nieqaf nitkellem u niġġieled kontra l-korruzzjoni” – Adrian Delia

“Jekk hemm min qed jaħseb li se jbeżżagħni u jsikkitni fil-ġlieda li qed nagħmel għas-sewwa u biex neqred il-korruzzjoni mhux se jirnexxilu. Min qed joħloq stejjer u assoċjazzjonijiet li ma jeżistux sabiex iwaqqafni milli nitkellem u ssir il-ġustizzja, jiena qatt ma jiena se nieqaf nitkellem u mhux se nibża.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM. 

Adrian Delia rrefera għal artiklu li deher fis-Sunday Times of Malta tal-lum u kif fl-artiklu nħolqu qishom chats tal-WhatsApp sabiex jerġgħu jippruvaw jimplikaw li kellu konnessjonijiet ma’ Yorgen Fenech, li diġa’ ċaħad kemm-il darba. Adrian Delia qal li dawn huma kollha manuvri sabiex isikktuh fil-ġlieda qalila tiegħu kontra l-korruzzjoni għaliex hemm min jaf li se jirnexxilu, bħala rnexxilu jiġġieled l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, jġib ir-rapport dwar Egrant, juri li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjonijiet, kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu u li ħoloq żbilanċ politiku fil-pajjiż u hekk ukoll se jirnexxilu li jġib lura t-tliet sptarijiet lura għand il-poplu.

Adrian Delia qal li din issa hija tattika magħrufa tal-Gvern, li kull darba li jagħmel passi ‘l quddiem fil-ġlieda għas-sewwa kontra l-korruzzjoni jivvintaw stejjer sabiex jippruvaw isikktuh, u jgħidu li hemm investigazzjonijiet meta sal-lum ħadd ma bagħat għalih. Filwaqt li l-Gvern Laburista qed jiddevja l-attenzjoni u jibqa’ jaħbi u jgħatti lil min qed jisraqna kuljum.

Adrian Delia qal li huwa ċar li hemm nies li ħatfu l-poter u li qegħdin jimmanipolaw u jirrikattaw biex iwaqqfu lil min qed jiġġieled biex tirbaħ is-saħħa u jwaqqafhom milli jkompli jaħtfu u jitħanżru u jisirqu lill-poplu. Bħalma rriżulta mid-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet li l-Gvern ta lil Vitals, kumpanija li ma nafux min hi, bla kapital u bla garanziji bankarji u bla ebda esperjenza u meta ma sarx id-due diligence fuqhom. Kumpanija li kienet irreġistrata inqas minn xahar qabel ma ngħataw il-kuntratt u b’kapital ta’ €1,000 biss. Issa kif irrappurtat fil-Malta Today, Steward qegħdin jargumentaw li flok €40 miljun fis-sena jridu li nagħtuhom €120 miljun fis-sena meta sal-lum għadhom ma għamlu xejn. Huwa qal li ċar li l-Gvern mhux qed iħares l-aqwa interessi tal-poplu imma ta’ kumpaniji barranin f’deals skandalużi biex jieħdu sehemhom. Flok waqqaf dan il-kuntratt, Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd iffirma kuntratt li nagħtu €100 miljun oħra lil Steward jekk ifallu.

Adrian Delia reġa’ stieden lil Robert Abela biex jingħaqad miegħu biex flimkien iwaqqgħu dan il-kuntratt u jġibu l-isptarijiet lura, u l-miljuni li qegħdin ninsterqu kuljum ninvestuhom verament fis-settur tas-saħħa, biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u biex ngħinu lil dawk il-ħaddiema u negozji kollha li qed jaffaċċjaw id-diffikultajiet f’dan iż-żmien diffiċli.

Il-Kap tal-PN qal li l-problemi li qegħdin jifnu lill-Gvern Laburista, mhux qegħdin iħallu lil Robert Abela li jaħdem fi trankwillita’, biex jagħti direzzjoni u li tal-inqas jirrikonoxxi lil min ta kontribut f’dan iż-żmien tal-pandemija. Huwa qal li jittama li tal-inqas jirrikonoxxi l-proposta li għamel fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali meta ppropona li b’ġest żgħir nirrikonoxxu l-ħidma eċċellenti tal-frontliners billi jingħataw tlett’ijiem leave bi ħlas addizzjonali. Robert Abela ffukat biss fl-elezzjonijiet interni fil-partit u f’patti mxajtna ġodda, għax għal Robert Abela l-partit jiġi qabel in-nies.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista issa għandu l-għodda, struttura u statut ġdid li rridu nħaddmuha sewwa, għax in-nies qed jistennew li nibqgħu niġġieldu għalihom u nibqgħu naħdmu ghall-aqwa ġid ta’ pajjiżna, biex negħlbu l-isfidi tal-pajjiż bi Gvern li huwa mifni bil-korruzzjoni. Dan huwa mument ta’ opportunita’ għal pajjizna fejn kulħadd għandu r-responsabbilta’ bħala Maltin u Għawdxin li nkunu parteċipi u protagonisti fid-destin tagħna quddiem gvern li seraqna, daħak bina u poġġa l-interessi tal-kriminali qabel dawk tal-familji tagħna u ta uliedna.