Lokali

”Ħadd m’hu se jsikkitni” – Adrian Delia

“X’inhi r-raġuni għala ma ġewx ippubblikati chats oħrajn bejn Yorgen Fenech u persuni oħra, iżda ġiet ippubblikata biss dik bejni u bejn Yorgen Fenech?”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi stqarrija għal dak li ġie ippubblikat mit-Times. Is-Sunday Times of Malta dalgħodu ppubblikat chat finta bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia. Il-Kap tal-PN qal “Jekk Sunday Times of Malta għandha aċċess għall-mowbajl ta’ Fenech, allura għalfejn ma ġewx ippublikati komunikazzjonijiet oħra li saru bejn Yorgen Fenech u dawk implikati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?'”

Huwa qed jistaqsi wkoll għalfejn ma ġewx ippubblikati chats bejn Yorgen Fenech, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi? Dan hekk kif l-allegazzjonijiet huma li Fenech kien jikkollabora ma’ diversi Ministri, li huwa ħabib tat-tfulija ta’ Keith Schembri, li kien jikkontrolla lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – “Ix-Xiħ” u li kien hemm relazzjoni intima bejn Fenech u Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Gvern Laburista.

”Xi ngħidu dwar il-pubblikazzjoni ta’ chats relatati ma’ dawn l-allegazzjonijiet gravi u ċertament rilevanti?” kompla jgħid Adrian Delia fl-istqarrija.

Is-Sunday Times ma tgħidx minn fejn ġejja l-“informazzjoni” tal-lum. Lanqas biss issemmi li huwa minn “sors”.

Imma l-qofol tal-kwistjoni, huwa dan: L-allegazzjonijiet li saru sena ilu fejn Yorgen Fenech offra lil Kap tal-Partit Nazzjonalista 50,000 ewro biex kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ma jerġax ikun elett bħala Membru Parlamentari Ewropew. Adrian Delia stqarr li huwa ċaħad dan kollu u anke ħa ġurament solenni permezz ta’ affidavit.

Adrian Delia kompla jgħid kif f’dawn ic-chats li ġew ppublikati minn Times of Malta, Yorgen Fenech qed iwiegħed l-appoġġ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal li bħala mexxej tat-tieni l-akbar partit politiku f’Malta, jirċievi eluf ta’ messaġġi fil-ġimgħa minn kull tip ta’ nies li jwiegħduh l-appoġġ tagħhom, jitolbu laqgħat miegħu u jagħtu l-ideat tagħhom. Iżda dak ma jagħmlekx familjari jew ħabib tagħhom.

Meta faqqgħet l-istorja tas-17 Black, il-Partit Nazzjonalista ta’ kuljum tkellem dwarha u kien anke jitlob li tinġarr ir-responsabbiltà politika ta’ dawk li verament kellhom relazzjoni speċjali ma’ Fenech.

Il-Kap tal-PN kompla jgħid li hekk kif qed jikteb dan kollu, eks-Ministru u eks Chief of Staff qed igawdu l-vaganzi tas-sajf minkejja li nqabdu li qed jiġġeneraw 5,000 ewro kuljum kull wieħed mill-qligħ ta’ ftehim korrott. Hemm ukoll eks Prim Ministru li taħtu ġrat din il-kriminalità u korruzzjoni u għadu qed jaħrab il-ġustizzja.

Adrian Delia temm l-istqarrija billi qal li hu se jlaqqa’ lill-Grupp Parlamentari matul din il-ġimgħa sabiex jassigura li l-Partit Nazzjonalista ikompli l-ġlieda tiegħu għall-verità u għall-ġustizzja.