Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti għall-konsultazzjoni

"Il-Gvern mhux se jgħaddi romblu minn fuq il-PN u minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi"

Il-PN se jibqa’ jinsisti għall-konsultazzjoni, biex iseħħ dak li hu xieraq, u dak li ġust. Din kienet ir-reazzjoni tal-PN għall-pubblikazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi biex isiru numru ta’ emendi fil-Kostituzzjoni.

Net News ħa l-kummenti tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Isteering commitee tal-Oppożizzjoni Chris Said, fejn tenna li l-PN qed jinsisti li l-President tar-Repubblika u l-Prim Imħallef jinħatru vot ta’ żewġ terzi tal-Grupp Parlamentari.

“Jekk ma jintlaħqux dawn iż-żewġ terzi, ikun hemm mekkaniżmu fil-liġijiet tagħna li jaħseb kif għandhom jiġu maħtura mhux direttament mill-Gvern. Dan hu li trid l-Oppożizzjoni u li nsistiet fuqu l-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Gvern qal li hekk se jagħmel, imma meta preżenta l-abbożi, irriżulta kollox viċi-versa, għaliex finalment l-għażla se tibqa’ f’idejn il-Gvern tal-ġurnata.”

Il-bini tal-Parlament

Huwa qal li l-Gvern qed jaqbeż konsultazzjoni importanti, biex iħaffef il-poter u l-poter jibqa’ konċentrat kif inhu preżentament.

“Hemm il-punt ukoll li l-Gvern qed jipprova jgħaġġel  għax għandu l-manara fuq rasu, biex jintogħġob u ma jkollux aktar rapporti negattivi… meta jagħmel dan qed jaqbeż il-konsultazzjoni mhux biss mal-Oppożizzjoni, iżda anki s-Soċjetà Ċivili u l-Imsieħba Soċjali.”

Chris Said qal li l-PN ifakkar li biex jagħmel tibdil fil-Kostituzzjoni jeħtieġ żewġ terzi tal-Parlament, u fakkar li l-Gvern mhux se jgħaddi romblu.

“Se nibqgħu ninsistu, u mhux se jkun hemm l-appoġġ tagħna, u jekk irid jagħmel tibdil fil-kostituzzjoni jeħtieġ anki l-appoġġ tal-PN, jeħtieġ l-appoġġ tagħna, mhux se jgħaddu fuqna b’romblu, aħna deċiżi, li jekk se jsir tibdil isir tibdil biex il-kostituzzjoni isservi l-poplu Malti u Għawdxi kollu u mhux lill-Gvern tal-ġurnata.”

Intant fi stqarrija tal-PN intqal li l-Oppożizzjoni baqgħet ma kinitx ikkonsultata dwar diversi punti li ħarġu mill-abbozzi ppubblikati u dan minkejja ftehim li kien sar fl-Isteering Committee.